Ħames snin ilu, madwar mija u sittin (160) student tat-tielet sena tal-Kulleġġ Sant Injazju, ta’ Tal-Ħandaq, welldu proġett bl-isem ta’ ‘L-Avventuri Ta’ Ġanni’.
Dan il-proġett jikkonsisti fi ktieb maqsum f’ħames kapitli, u jirrakkonta avventura li fiha grupp ta’ tfal jilgħabu l-logħba tradizzjonali tal-passju. Iżda ma jiqfux hemm: kull pass jgħaddi lill-protagonisti minn esperjenzi differenti u straordinarji.
Kull kapitlu nkiteb minn studenti minn waħda mill-iskejjel primarji tal-Kulleġġ u jlaqqa’ lill-qarrej mas-sbuħija tal-ambjent Malti.
Il-proġett issa tlesta u ġie inawgurat fl-Iskola Medja tal-Kulleġġ, fejn jattendu bħalissa l-istudenti li ħolqu l-ktieb, flimkien ma’ boardgame li tmur miegħu.
Fuq dan il-proġett, l-istudenti ħadmu f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, id-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar, id-Dipartiment tal-Litteriżmu tal-Kulleġġ innifsu, il-Kapijiet tal-iskejel primarji u rappreżentanti tagħhom, u membri oħrajn tal-istaff tal-amministrazzjoni tal-kulleġġ, li lkoll ikkontribwew b’entużjażmu.
Matt Penza, wieħed mill-istudenti li kienu parti minn dan il-proġett tal-litteriżmu, qasam magħna ħsibijietu dwar l-esperjenza tiegħu fuq il-ktejjeb li kiteb flimkien ma’ sħabu tal-iskola.
L-istudent Matt Penza qal li “Kienet esperjenza sabiħa nikteb ktieb ma’ sħabi, u għadni nkellimhom sa din il-ġurnata. Dan il-ktieb huwa maqsum f’ħames biċċiet: jien ktibt ir-raba’ waħda u l-għalliema tagħna, Ms Maria Psaila, kienet ta’ għajnuna kbira fuq dan il-ktieb. Issa li għadni nkellem lill-sħabi, wieħed mill-ħbieb tiegħi huwa l-ikbar ħabib tiegħi fl-iskola li kien miegħi fil-klassi nikteb dan il-ktieb.”
Waqt it-tnedija tal-proġett, l-istudenti, flimkien mal-għalliema, għamlu reċta sabiex joffru togħma tal-kontenut tal-ktieb. Jayden Borg kien wieħed mill-atturi.
L-istudent Jayden Borg qal “Jiena fir-reċta kont qisni qed indur magħhom u nistaqsihom fuq il-ktieb, għax kont interessat fih, u mhux biss fir-reċta imma anke fir-realtà.”
Min-naħa tagħha, il-Prinċipal tal-Kulleġġ Sant Injazju, Dr Doreen Said Pace, spjegat li l-ktejjeb affaċċja diversi sfidi biex sar u ħa madwar ħames snin biex tlesta, iżda llum huwa ta’ sodisfazzjon li wieħed jara lil dan il-proġett tlesta u ġie varat. Hija għandha tama li skejjel oħra jieħdu inizjatTivi simili.