Wara ħamest ijiem ta’ sfidi, missier u iben sa fl-aħħar waslu fil-quċċata tal-ogħla muntanja fil-muntanji Sierra Nevada fi Spanja, bl-isem ta’ Mulhacén.
Nico Abela u missieru Silvio Abela rħewlha minn Malta biex flimkien ma’ xabbat Spanjol, li jaf iż-żona sew, jitilqu fuq avventura bil-għan li jaslu fil-quċċata ta’ Mulhacén, iżda kienu diversi sfidi li huma ltaqgħu magħom li m’għamlulhomx din l-avventura bħala waħda faċli.
Nico Abela rrakkonta kif filwaqt li din ma kinitx l-ewwel esperjenza tiegħu u ta’ missieru li jitilgħu fil-quċċata ta’ muntanja, qal li l-avventura li ntemmet nhar il-Ħadd fuq il-muntanji ta’ Sierra Nevada kienet waħda mill-iktar diffiċli li qatt affaċċjaw. Fost bosta sfidi Nico qal li waħda mill-aktar serji kienet fit-tielet jum fejn irċivew messaġġ mingħand persuni li kienu qed iżommu din l-avventura taħt moniteraġġ, fejn qalulhom li kawża ta’ l-ammont ta’ borra li niżlet kien hemm ċans kbir li sseħħ valanga. Nico spjega kif minn hemm kellhom jibdlu r-rotta, għal waħda li kienet itwal.
Sfida oħra li affaċċjaw kienet il-biżà li jiltaqgħu ma’ fetħa fonda fis-silġ ta’ glaċier dan minħabba li kien hemm ċans kbir li kienu moħbija taħt il-borra li kienet niżlet tul il-lejl. Minħabba f’hekk it-tliet xabbata ddeċidew li l-aħjar għażla tkun li jdewmu l-proċess biex jaslu fil-quċċata tal-muntanja u għalekk għażlu rotta alternattiva li kienet aktar sikura.
Nico spjega kif it-temp li ltaqgħu miegħu tul il-ħamest ijiem ma tantx għamilielhom faċli, fejn f’lejl minnhom tant kien riħ li ma ħadu l-ebda riskju li jiftħu l-kamp u l-unika għażla li kien għad fadlilhom kienet li jagħmlu ħofra fis-silġ u jorqdu fiha.
Ix-xabbat żagħżugħ qal li filwaqt li dak il-lejl it-temperatura niżlet għal taħt il-21 ċenti gradi, kien grazzi għall-apparat professjonali li kellhom tul dan vjaġġ li laqalhom għall-kundizzjonijiet kollha. Wara dak il-lejl kien għad fadlilhom żewġ għażliet, jew ikomplu sal-quċċata jew jerġgħu jinżlu lura. Minn hemm huma għażlu li jkomplu u jilħqu l-quċċata tal-muntanja Mulhacén f’jum wieħed u jikkampjaw hemm, fejn ġew mwissiha li din l-għażla kienet waħda diffiċli hekk kif ftit kienu l-persuni li rnexxielhom.
“Bdejna l-jum fis-6:00 ta’ filgħodu, jum li ma kienx wieħed faċli. Kemm minħabba l-kundizzjoni tat-temp u kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ ossiġnu li jkun hemm iktar ma titla’ ‘l fuq. Iżda għamilna l-impossibbli. Irnexxielna naslu sa fejn xtaqna, l-aktar li wieħed jista’ jasal fuq il-muntanja Mulhacén li hu 3,482 metru u saħansitra kkampjajna hemm ukoll,” qal Nico.
Hu kompla billi qall li “hija kisba vera kbira għalina kemm għax ġejjin minn gżira żgħira u kif ukoll wieħed irid iżomm f’moħħu li ma għandiex muntanji fejn wieħed jista’ jitħarreġ għal dawn it-tip ta’ spedizzjoni.”
Meta mistoqsi jekk jerġax jagħmilha, Nico qal li bħal kull persuna li tħobb l-avventura, l-ebda tip ta’ sfida m’hi se żżommu lura milli jerġa’ jwettaq din il-kisba. Hu qal li l-isbaħ mument għalih u għal missieru kien meta waslu fil-quċċata tal-muntanja Mulhacén u tajru l-bandiera Maltija, li sal-lum il-ġurnata għadha qed tittajjar fil-quċċata tal-muntanja.