Ta’ kull sena kull wieħed u waħda minnha jħares lura lejn dawk l-avveniment l-kbar li jkunu ddominaw. Dawn jistgħu jvarjaw minn aħbarijiet li ġibdu għajnejn id-dinja fuqhom sa avveniment kbar li jkunu ħallew impatt kemm fuq livell lokali iżda anke internazzjonali.
Iżda kemm minnha nħarsu ’l quddiem għal dak li hemm imħejji għalina fis-sena ta’ wara?
Dan is-servizz ħa jagħmel propju hekk, hekk kif fih se tingħata ħarsa lejn dawk l-avveniment li se jiddominaw l-2022 fuq livell lokali.
Wieħed ma jistax jagħmel dan is-servizz mingħajr ma jinkludi fih premura. Din il-premura tagħmel tajjeb għall-iżviluppi tal-pandemija tul is-sena u li tista’ taffettwa ħafna mill-preparazzjonijiet għal dak li hemm imħejji.
Meta naħsbu fuq l-2022 fuq livell lokali ma nistgħux ma nsemmux li din hija sena fejn pajjiżna se jkun qed imur għal elezzjoni. Fil-fatt, is-suġġett tal-elezzjoni ddomina fuq fomm ħafna fl-aħħar xhur tal-2021 wara li l-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech ħoloq inċertezza kbira u pressjoni sabiex din tissejjaħ qabel iż-żmien.
Madankollu l-Prim Ministru Robert Abela dejjem sostna li elezzjoni tissejjaħ fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-poplu Malti u Għawdxi.
Abela stqarr, “Jien dik l-inċertezza żgur mhux nħalliha hemmhekk u għal daqstant jien dejjem għidt li jkun hemm kriterju wieħed li jiddetta meta ssir elezzjoni ġenerali, li huwa dak tal-interess nazzjonali. Jiena ma jidhirlix li huwa fl-interess nazzjonali li elezzjoni ssir din is-sena għal daqstant l-elezzjoni ssir fis-sena li hija skedata jiġifieri fl-2022.”
Intant f’Ottubru tal-2021 tħabbar li se jkollna wkoll avveniment importanti ieħor fl-2022. Dak li jikkonċerna żjara tal-Papa Franġisku f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela kien ikkonferma dan waqt laqgħa uffiċjali li kellu flimkien ma’ familtu, mal-Kap tal-Knisja Kattolika fil-Vatikan.
Huwa spjega li l-Papa mistenni jżur lil pajjiżna fl-ewwel kwart tal-2022.
B’hekk Papa Franġisku se jkun t-tielet Papa li se jżur pajjiżna wara darbtejn b’mod uffiċjali mill-Papa Ġwanni Pawlu II u darba mill-Papa Benedittu XVI.
Fil-fatt, ta’ min wieħed isemmi li din iż-żjara kellha ssir fl-2021 madankollu din kienet ġiet postposta minħabba l-imxija tal-Covid-19.
Mix-xena tal-mużika u d-divertiment l-2022 mistennija li wkoll tkun sena mimlija avvenimenti b’kultura u mużika mill-isbaħ. Il-Festival Mużika Mużika li jiċċelebra l-kanzunetta Maltija huwa skedat li jsir bejn l-24 u s-26 ta’ Marzu li ġej.
L-edizzjoni tal-2021 ta’ Mużika Mużika intrebħet minn Glen Vella bil-kanzunetta tiegħu “Ħarsa Biss.” Il-kompożitur tagħha kien Philip Vella bl-awtur kien Joe Julian Farrugia.
Intant fl-2022 se jirritorna wkoll il-Malta Eurovision Song Contest. Dan wara li l-aħħar edizzjoni ta’ dan il-festival li jagħżel il-kanzunetta li tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision sar lura fl-2018.
L-ewwel se jkun hemm semifinali bi 22 kanzunetta u imbagħad fil-finali dawn jinżlu għal 16. Min jirbaħ il-Malta Eurovision Song Contest jirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision li ġej f’Turin.
L-2022 hija sena importanti wkoll għal pajjiżna mill-att sportiv. Dan hekk kif f’Mejju li ġej, kważi elf atleta minn ħamsa u għoxrin pajjiż differenti se jiġu f’pajjiżna sabiex jieħdu sehem fil-logħob internazzjonali ta’ Special Olympics f’pajjiżna.
Tul dawn il-logħob se jkun hemm sitt dixxiplini sportivi differenti, li se jintlagħbu fil-faċilitajiet ta’ SportMalta fil-Marsa u Tal-Qroqq.
Dawn jinkludu l-futbol, l-atletika, il-boċċi, tenpin bowling, table tennis u l-għawm.