Iċ-Ċentru Nazzjonali Interattiv għax-Xjenza magħruf aħjar bħala l-Esplora reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għall-avveniment tant mistenni Scientastic Edition f’żona ta’ madwar 22,000m2 li tagħti fuq il-Port il-Kbir.
Fi stqarrija, kelliema għall-Esplora qalu li ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex iċ-ċentru jkun jista’ jerġa’ jiftaħ għall-pubbliku biex joffri esperjenzi edukattivi u ta’ divertiment, immirati kemm għaż-żgħar, kif ukoll għal dawk li għandhom spirtu żagħżugħ.
Huma qalu li l-biljetti ser jkunu disponibbli biss onlajn. Dan sabiex ikun aċċertat li ma jkunx hemm iffullar u b’hekk ma tiġix ipperikolata s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati u dik tal-viżitaturi.
Il-ħaddiema fi ħdan l-Esplora ddisinjaw tliet trails fantastiċi għall-pubbliku. Dawk il-viżitaturi li għandhom ’il fuq minn sitt snin jistgħu jibbukkjaw minn qabel it-trail Earth and Beyond, esperjenza ta’ erba’ siegħat li permezz tagħha jsiru aktar familjari mal-pjaneta tagħna, l-Univers, kif ukoll isiru jafu dwar diversi miżuri favur l-ambjent.
Jistgħu jagħżlu wkoll li jesperjenza t-trail Music for our Senses, li f’esperjenza ffaċilitata ta’ erba’ siegħat, ikunu jistgħu jesploraw diversi ideat bħal pereżempju ‘kif l-ħoss jasal minn post għall-ieħor’, ‘kif l-illużjonijiet jistgħu jqarqu b’moħħna’, ‘kif jesperimentaw bid-dawl u d-dellijiet’, u anke jimxu fil-kuridur pjanu.
Għall-esploraturi ż-żgħar, dawk li għandhom bejn tlieta u ħames snin, hemm it-trail Little Esploras, li f’erba’ siegħat żgur li se jsibu ħafna opportunitajiet biex jissodisfaw il-kurżità u jesprimu l-kreattività tagħhom.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr. Jeffrey Pullicino Orlando, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li ċ-ċentru Esplora kien ippreparat li jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku immedjatament kif ingħata l-gwida mill-Awtoritajiet tas-Saħħa lokali.