Tliet ġimgħat oħra se jitla’ s-siparju fuq edizzjoni oħra tan-‘Notte Bianca – Lejl Imdawwal’, l-avveniment annwali li jattira eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin lejn il-Belt Valletta fejn il-ħajja tibqa’ għaddejja tul il-lejl kollu.
Waqt it-tnedija tal-programm għal din is-sena fl-Università l-Antika fil-Belt Valletta, tħabbar li l-edizzjoni ta’ din is-sena se ssir is-Sibt 5 ta’ Ottubru u se tinkludi ’l fuq minn 50 attività imxerrdin mat-toroq tal-kapitali. B’kollox l-attività se tinvolvi mal-250 artist lokali u internazzjonali tal-ogħla livell.
Din il-lejla maġika tant mistennija se tagħti wkoll prijorità lil diversi produzzjonijiet lokali, li se jagħmlu l-maġġoranza tal-avvenimenti ppreżentati fil-programm.
Dawk kollha li jiddeċiedu jgħixu din l-esperjenza se jerġgħu jkunu ggwidati bir-rotot u l-attrazzjonijiet, li jagħmluha iżjed faċli għal min ikun qed ifittex l-aktar affarijiet li jinteressaw lilu u b’hekk jippjana l-lejla aħjar.
Id-Direttur Artistiku tan-‘Notte Bianca’, Antoine Farrugia, spjega l-viżjoni għall-programm ta’ din is-sena fejn qal li waħda mill-prijoritajiet tibqa’ dik li jkun hemm varjetà li tolqot ħafna gosti u dejjem xi ħaġa għall-familja kollha.
“Programm versatili ħafna, biex nilħqu l-gosti ta’ kulħadd. Ovvjament mit-tfal, għaż-żgħażagħ, adulti. Dawk l-adulti wkoll li ma tantx jieħdu skandlu, hemm ir-rotta l-ħamra fejn se nkunu qed nesperjenzaw tliet proġetti matul il-lejl”.
Antoine Farrugia – Direttur Artistiku
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Dr Owen Bonnici, enfasizza fuq l-isforz kbir biex ikun hemm tali varjetà għall-etajiet kollha u b’iżjed valur lill-kultura f’pajjiżna.
Għat-tnedija tan-‘Notte Bianca’ kienu preżenti wkoll iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Aaron Zarha u Frans Agius rispettivament.