Stħarriġ, li l-gazzetta KullĦadd wettqet fl-aħħar jiem fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara, li jitfakkar madwar id-dinja proprju bħal-lum it-8 ta’ Marzu, juri li s-sess femminili f’Malta kien minn tal-ewwel fil-mixja riċenti ta’ progress u ġid li esperjenzajna f’pajjiżna, tant li kiber f’sitt oqsma partikolari tal-ħajja.
Dawn huma lkoll relatati, b’mod partikolari, mal-edukazzjoni, ix-xogħol u s-saħħa finanzjarja. Bħalma l-istorja politika lokali wrietna li l-mara Maltija tista’ tgawdi d-drittijiet li għandha llum bis-saħħa ta’ Gvernijiet Laburisti preċedenti, sa mit-twelid tal-Moviment Soċjalista f’pajjiżna 100 sena ilu, mill-2013 lil hawn ġew irreġistrati qabżiet sinifikanti, li bdew taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Joseph Muscat u qed ikomplu issa taħt is-suċċessur tiegħu, Dr Robert Abela.
Dan it-titjib kompla saħħaħ l-emanċipazzjoni femminili, li f’Malta bdiet primarjament taħt Mexxejja preċedenti Laburisti fil-pożizzjonijiet ta’ Prim Ministri, bħal Pawlu Boffa u Dom Mintoff. Fir-riċerka tagħna, li hi bbażata fuq ċifri uffiċjali, tispikka partikolarment il-qabża fl-impjiegi, it-tip ta’ xogħol u l-livell tal-pagi relatati. L-informazzjoni ġiet imqabbla mas-sitwazzjoni ġenerali li kienet tinsab fiha l-mara Maltija fl-2012 taħt l-aħħar Gvern Nazzjonalista. Kull żvilupp irreġistrat, kbir kemm hu kbir, xorta jibqa’ jġorr id-dell ta’ triq twila li għad fadal meta l-mara titqabbel mar-raġel.
Fil-fatt, l-irġiel mhux biss għadhom jiddominaw l-impjiegi b’differenza ta’ 20% fuq in-nisa, iżda saħansitra l-paga medja tagħhom hija 22% ogħla minn dik tan-nisa. Li hu ċert hu li fl-aħħar seba’ snin in-numru ta’ nisa jaħdmu kiber b’61% biex is-sena li għaddiet r-rata tal-impjiegi f’pajjiżna qabżet il-medja Ewropea għall-ewwel darba fl-istorja. Fl-2012, ir-rata lokali kienet kwart inqas minn dik fl-Unjoni Ewropea, b’64,700 mara biss jaħdmu fit-tielet kwart ta’ dik is-sena.
B’kuntrast is-sena l-oħra, fl-istess perjodu, din iċ-ċifra telgħet għal 104,000. Qabbilna wkoll jekk din iż-żieda ta’ 39,300 mara f’impjieg f’seba’ snin kinitx almenu riflessa fl-2012 fuq is-seba’ snin preċedenti. Skoprejna, iżda, li dakinhar din iż-żieda kienet laħqet it-18,800, inqas min-nofs dik irreġistrata flaħħar snin.
Dan it-titjib femminili f’dawn l-aħħar snin hu riżultat ta’ numru ta’ miżuri li introduċa l-Gvern wara l-2013, speċjalment l-użu b’xejn taċ-childcare centres u l-in-work benefit, fost oħrajn. Meta analizzajna t-tip ta’ xogħlijiet li jaħdmu n-nisa f’pajjiżna sibna li dawn qed jokkupaw terz tal-impjiegi kollha f’pożizzjonijiet professjonali u/jew maniġers, skont iċ-ċifri tat-tielet kwart tal-2019. Din hi żieda ta’ 73% meta mqabbla fuq seba’ snin qabel.
Fil-fatt, waqt li fl-2012 taħt il-PN kien hemm 18,200 mara f’dawn il-pożizzjonijiet, b’żieda ta’ 8,500 fuq is-seba’ snin ta’ qabel, sas-sena l-oħra kien hawn 31,400 mara jaħdmu fl-istess pożizzjonijiet. Żieda ta’ 13,200 mara fuq l-2012. Dan kien ukoll riżultat għal titjib fil-livell terzjarju jew aktar tal-edukazzjoni, fejn is-sena l-oħra mara minn kull erbgħa f’pajjiżna kellha dan il-livell edukattiv. Fl-2012 ir-rata kienet mara minn kull sebgħa. Bejn iżżewġ perjodi n-numru ta’ nisa li kellhom dan il-livell ta’ edukazzjoni kiber bi 22,400, minn 25,500 fl-2012 għal 47,900 fl2019.
Analiżi taż-żieda fl-għadd ta’ nisa li kellhom edukazzjoni terzjarja jew ogħla taħt il-PN bejn l-2005 u l-2012 turi li l-qabża kienet nofs dik li esperjenzajna fl-aħħar seba’ snin. It-titjib fil-livell tal-edukazzjoni u pożizzjonijiet maniġerjali u/jew professjonali mhux biss iġibu indipendenza akbar għall-mara Maltija, imma awtomatikament anke żieda fiddħul finanzjarju individwali. Pereżempju skoprejna li kien hemm żieda ta’ 27% bejn id-dħul li kellha mara fit-tielet kwart tal-2012 u dak li qalgħet fl-istess perjodu s-sena l-oħra. Qabża minn paga medja ta’ €14,028 tmien snin ilu għal €17,815 is-sena l-oħra.
Bejn l-2012 u l-2019 il-paga medja tan-nisa kibret bi kważi erba’ darbiet ir-rata tal-inflazzjoni. Fis-seba’ snin ta’ qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013, il-qabża tal-paga tan-nisa kibret bid-doppju tal-inflazzjoni, nofs ir-ritmu ta’ dawn l-aħħar seba’ snin. Waqt li taħt Gvern Nazzjonalista l-paga medja żdiedet bi €3,288 f’seba’ snin, iż-żieda taħt il-Partit Laburista fil-Gvern kienet ta’ €3,787. Meta tneħħi l-inflazzjoni, dawn ifissru żidiet ta’ 10% u 20% rispettivament.
Fl-istħarriġ estensiv tagħna ridna nevalwaw ukoll jekk dawn l-avvanzi fl-oqsma tax-xogħol u l-pagi relattivi humiex riflessi wkoll fuq il-faxex aktar baxxi u vulnerabbli tas-soċjetà u s-sehem tal-mara Maltija fihom. Dan, b’mod partikolari, ladarba hu fatt magħruf li n-nisa għandhom riskju akbar mill-irġiel li jaqgħu fil-faqar u l-esklużjoni soċjali, differenza kbira ta’ 15%.
Minkejja dan, ir-riċerka għallmitna li jekk fl-2013 kellna l-ogħla rata ta’ nisa f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali (25.5%) fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna, sal-2017 ksibna l-inqas rata (20.2%) f’dan ir-rigward. Terġa’ fl-2018 ksibna l-inqas rata ta’ nisa f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa (3.4%), rata li kienet tlaħħaq l-10.3% ħames snin qabel.
Minn rata ogħla mill-medja Ewropea issa għandna rata li hi nofs il-medja tal-UE. Fil-każ ta’ dipendenza fuq il-benefiċċju tal-assistenza soċjali, sibna li seba’ snin ilu kien hawn 75% tas-single parents li kienu jiddependu fuq it-tali assistenza mill-Gvern, meta fis-sitwazzjoni tal-lum għandna 33% tagħhom.
Fl-istess perjodu wkoll Gvern Laburista żied bi 30% jew bi €32 miljun l-ispiża tiegħu fuq pensjonijiet tar-romol, li minn €114-il miljun telgħet għal €146 miljun. Dan wassal biex armla fuq il-pensjoni minima żdiedet minn inqas minn €119 għal €144 fil-ġimgħa. Din tfisser żieda ta’ kważi d-doppju taż-żieda għall-għoli tal-ħajja matul dawn is-snin.