L-Avukat Charles Mercieca ta’ sitta u għoxrin sena u l-Avukat Gianluca Caruana Curran tmienja u tletin sena wieġbu mhux ħatja meta ttellgħu l-Qorti mixlija b’attentat ta’ tixħim fuq ġurnalist.
L-avukati Mercieca u Caruana Curran li huma l-avukati tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech qed jiġu mixlija li ppruvaw ixaħħmu lill-ġurnalist tat-Times Ivan Martin permezz ta’ ammont sostanzjali ta’ flus kontanti waqt laqgħa li ssejħet mill-avukat Mercieca.
L-avukat tad-Difiża beda billi staqsa għall-istqarrija li ta Ivan Martin lill-pulizija biex tkun tista’ tintuża għall-kontro-eżami u qal li din t-talba ġiet irrifjutata darbtejn diġà.
Fil-Qorti xehed Ivan Martin fejn stqarr li kien hu li kkunttatja lil Charles Mercieca wara li sema’ li kien telaq mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u ma’ Caruana Curran kien ftiehem li jmur jieħu kafè wara li ħabtu f’xulxin il-Qorti.
F’laqgħa minnhom Mercieca kien iltaqa’ ma’ Martin fejn Mercieca kien tah xi informazzjoni ta’ interess għal Martin.
F’ġurnata partikolari, Martin kien għadu mhux ċert fuq xi dettalji u kien bagħat kopja tal-istorja li kien qed jikteb lil Mercieca.
Ftit jiem wara Mercieca kien bagħat lil Martin biex jiltaqgħu fejn fl-istess laqgħa, Caruana Curran, Mercieca u Martin iddiskutew l-istorja.
F’dik il-laqgħa Martin rrakkonta li l-avukati xtaqu li jinkitbu serje ta’ stejjer biex eventwalment jimminaw il-kredibilità tal-middleman fil-qtil ta’ Caruana Galizia, Melvin Theuma.
Fil-Qorti Martin qal li spjega liż-żewġ avukati li ma setax jagħmel dan għaliex l-avukati ma setax ikollhom kontroll fuq l-istejjer li jikteb hu.
Martin qal li l-intenzjoni tiegħu kienet li jieħu ħsieb ir-relazzjoni ta’ bejn is-sors u l-ġurnalist.
Martin irrakkonta li kien ra lil Caruana Curran joħroġ xi ħaġa mill-but tiegħu u qallu, “dawn għalik”.
Martin qal li ħaseb li Caruana Curran tah nota għaliex qatt ma kien ra karta tal-flus tal-ħames mija iżda meta induna x’kienu tahom lura lill-Avukat u qallu, “ma tistax tħallasni” u għaldaqstant Caruana Curran skuża ruħu u qallu li qatt ma kellu esperjenza mal-ġurnalisti.
Fil-Qorti xehdet ukoll l-editur tat-Times of Malta Diana Cacciottolo fejn spjegat li ppruvat tagħmel kuntatt ma’ Caruana Curran biex tispjegalu li t-Times ma jaċċettawx flus għal xogħolhom.
Dan filwaqt li fix-xhieda tiegħu, l-editur tat-Times Herman Grech qal li mmedjatament induna li din kienet kwistjoni serja u għaldaqstant kellem lil Martin u qallu biex jikteb stqarrija.
Ritratt: Newsbook