L-avukati ta’ George Degiorgio, li nstab ħati li qatel lil Daphne Caruana Galizia u ġie ssentenzjat minħabba reati serji oħra, ħarġu jikkundannaw id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li l-fatt li Degiorgio ngħata permess mill-qorti biex joħroġ mill-ħabs għal okkażjoni tal-familja huwa insensittiv.
Degiorgio għandu iktar minn każ wieħed, iżda jirriżulta li f’talba li saret quddiem il-qorti din tatu permess biex mhux biss imur għal funzjoni reliġjuża, iżda anke għal festin. Jirriżulta li l-Qorti kriminali tat din l-awtorizazzjoni basta jkun lura fil-faċilità korettiva sad-disgħa ta’ filgħaxija u jkun skortat.
Jirriżulta li, eventwalment, l-awtoritajiet tal-ħabs aġixxew fil-kuntest ta’ din id-direzzjoni.
Meta kkummenta dwar il-każ, il-Prim Ministru kien kategoriku.
Iżda, għall-avukati ta’ Degiorgio, dan l-argument ma kellux isir għax, skont huma, il-Qorti mhux togħġob lill-mases trid iżda tapplika ġustizzja skont il-liġi. Huma kkummentaw dwar dan mal-Maltatoday, f’artiklu li fih ikkundannaw ukoll ir-rapportaġġ tal-midja.