L-Avukat Frank Testa talab lill-Prim Ministru biex jirrikużah milli jmexxi l-inkjesta dwar storja tal-Malta Today dwar allegat indħil minn persuni politiċi mhux imsemmija f’każ ta’ arrest ta’ persuni dwar drogi f’Għawdex.
Dan wara li, matul il-qadi ta’ dmirijietu, Dr Testa sab li hemm parentela familjari bejn persuna involuta f’dan il-każ u persuna impjegata fl-istess uffiċċju legali fejn jaħdem hu.
L-Avukat Testa informa lill-Prim Ministru li, la darba sab din il-parentela, iħoss li m’għandux ikompli hu b’din l-inkjesta.
Il-Prim Ministru rringrazzja lill-avukat Testa tas-servizz tiegħu kif ukoll esprima d-dispjaċir tiegħu għal fatt li l-avukat sab ruħu taħt attakk politiku inġust talli offra ruħu għas-servizz pubbliku.
Il-Prim Ministru issa ħatar biex imexxi din l-inkjesta lil Dr John Vassallo li huwa avukat ta’ esperjenza vasta u li fil-kariga tiegħu ħadem u għadu jaħdem f’diversi branki tal-liġi kemm fil-kamp ċivili kif ukoll fil-kamp penali.