L-Avukat tal-Istat illum ippreżenta żewġ talbiet dettaljati fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) biex jingħata permess biex jappella mid-deċiżjoni ta’ dik il-Qorti ta’ nhar l-Erbgħa, id-19 ta’ Ottubru 2022.
Permezz ta’ dik id-deċiżjoni, ġie ordnat li bħala miżura provviżorja jinħatar Magistrat ieħor minflok il-Maġistrat Nadine Lia biex jisma’ proċedura li fetħet fil-Qorti l-għaqda Repubblika kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. Dan sar minkejja li kien għadu ma ġiex deċiż li t-tkomplija tas-smigħ ta’ dawk il-proċeduri mill-Magistrat sedenti kien jikser xi dritt ta’ dik l-għaqda.
Fir-rikorsi tiegħu l-Avukat tal-Istat ta bosta raġunijiet fattwali u legali għaliex huwa meħtieġ li d-deċiżjoni tal-Qorti tiġi riferita għall-iskrutinju tal-Qorti Kostituzzjonali f’dan l-istadju u mingħajr ma wieħed joqogħod jistenna deċiżjoni finali fil-kawża.
Inizjalment, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), ippreseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey, ħarġet digriet li bih aċċettat it-talba tal-Avukat tal-Istat. Madanakollu, permezz tal-avukat tagħha Jason Azzoprdi l-għaqda Repubblika daħħlet rikors kontra dik id-deċiżjoni. Min-naħa tagħha, il-Qorti ddeċidiet li tirrevoka d-digriet u li d-deċiżjoni issa tittieħed f’Qorti fil-miftuħ nhar it-Tlieta.