L-Avukat tal-Istat sostna li l-Imħallef Giovanni Grixti ma segwiex il-proċeduri legali, meta ddeċieda li jirrikuża lilu nnifsu milli jisma’ l-kawża tal-isptarijiet, li fetaħ il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u Adrian Delia.
Dan wara li, fis-seduta tat-Tnejn, proprju dakinhar li kellu jiddeċiedi jekk il-Gvern għandux jidħol fil-kawża, l-Imħallef Grixti rrikuża lilu nnifsu milli jkompli jisma’ l-kawża. Dan minħabba li s-sieħba tiegħu, Dr Yanika Marie Bugeja, ħamest ijiem biss qabel kienet inħatret minn imħallef ieħor bħala kuratur biex tiffirma l-kuntratt għat-tħassir tal-ftehim tal-isptarijiet.
L-Imħallef Grixti kien qal li sar jaf b’dan lejlet l-iffirmar ta’ dan l-att.
Fir-rikors, b’reazzjoni għad-digriet mill-Imħallef Grixti, l-Avukat tal-Istat staqsa jekk ittiħdux il-miżuri xierqa meta dan iddeċieda jirrikuża ruħu mill-kawża.
L-Avukat tal-Istat qal li l-Imħallef ma mexiex, skont il-proċeduri, li huma stabbiliti fil-liġi, meta rrikuża ruħu.
Fir-rikors imressaq, l-Avukat tal-Istat spjega li, skont il-proċeduri mniżżla fil-liġi, l-Imħallef għandu l-ewwel joħroġ dikjarazzjoni biex tkun imniżżla fir-reġistru tal-każ, biex imbagħad wara tinġieb għall-attenzjoni taż-żewġ naħat qabel id-data tas-smigħ.
Żied jgħid li jekk il-partijiet jaqblu li għandu jkompli jisma’ l-kawża, hu jista’ jagħmel dan, madankollu, hu xorta jista’ jiddeċiedi li jastjeni anke jekk il-partijiet ma juru ebda tħassib fih.
Fl-ewwel seduta, l-Imħallef Grixti kien ġie attakkat minn Bernard Grech, għax il-kuġin tal-Imħallef, illum mejjet u li l-istess Oppożizzjoni kienet sellmitlu meta ħalla din id-dinja, kien għamel xi xogħol għall-Gvern bħala kirurgu u b’rabta mal-proposta ta’ Steward, snin ilu.