L-Erbgħa filgħodu kompliet tinstema’ l-kawża dwar l-isptarijiet miftuħa mill-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u l-predeċessur tiegħu Adrian Delia kontra l-Avukat tal-Istat, Dr Chris Soler.
Hekk kif, fis-seduta tal-Erbgħa, xehed l-istess Dr Soler, ġie spjegat li l-funzjonijiet tal-istess Avukat tal-Istat huma strettament iggwidati mil-liġi u xejn aktar.
Quddiem mistoqsijiet animati mill-Avukat tal-Oppożizzjoni, Edward Debono, tant li l-Imħallef Toni Abela kellu jintervjeni għal darba darbtejn, Dr Chris Soler sostna li l-leġiżlatur kiteb b’mod partikolari fejn l-Avukat tal-Istat hu marbut li jaġixxi. Qal li l-indipendenza Kostituzzjonali tiegħu toħroġ minn dan il-punt.
Meta mistoqsi dwar l-indipendenza ta’ dan l-uffiċċju, Dr Soler tenna wkoll li hu Avukat tal-Gvern u għandu funzjoni supplimentari bħala konsulent legali lill-organi l-oħrajn tal-Istat, bħall-President, l-Ispeaker u l-Parlament. Dan filwaqt li hu konsulent legali fl-interess pubbliku.
Dr Soler spjega wkoll li l-liġi tgħidlu b’mod espliċitu b’direzzjoni ċara li fuq kwistjoni ta’ kuntratti hu għandu jiftaħ kawża ċivili.
Hawn l-Imħallef ċanfar lil Edward Debono li uża kliem mhux idoneu fil-kontro-eżami. Fil-fatt, reġa’ widdbu fuq it-triq tal-mistoqsijiet tiegħu.
Debono staqsa x’passi ħa l-Avukat tal-Istat wara s-sentenza tal-ewwel Qorti fil-każ tal-konċessjoni tal-isptarijiet u hawn Soler wieġeb kif il-passi jeħodhom il-Gvern u fil-fatt aċċenna għall-passi li ttieħdu b’mod immedjat f’dan ir-rigward mill-amministrazzjoni. Dan, fost oħrajn, bit-talba li jonqos iż-żmien għall-appell u li invoka ‘controlled step-in’ fl-isptarijiet inkwistjoni.
Debono staqsa wkoll għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li jmorru f’arbitraġġ internazzjonali u hawn l-Avukat tal-Istat wieġbu li fil-liġi internazzjonali hemm dottrina ta’ separabiltà fil-kuntratti. Spjega li l-liġi Maltija dwar l-arbitraġġ teħodna għal din l-istess dottrina.
Dr Soler spjega wkoll kif il-Gvern għamel il-kawża tiegħu kontra Steward, filwaqt li hu bħala Avukat tal-Istat, ippatroċinja l-kawża.
L-Imħallef Toni Abela aġġorna s-seduta għall-5 ta’ April fid-09:30 a.m.
Għal din is-seduta attenda wkoll il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard.