“Il-Gvern ta’ Malta diġà qed iħares l-interess nazzjonali fi proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali kuntrarjament għal dak li qed jgħid l-Kap tal-Oppożizzjoni bil-kawża li fetaħ kontra l-Avukat tal-Istat.”
Hekk wieġeb l-Avukat tal-Istat f’risposta għat-talba ta’ Bernard Grech biex il-kawża li fetaħ tinstema’ b’urġenza.
Dan filwaqt li ssenjala lill-Qorti li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħalef falz u li qed jipprova jiżgwida lill-Qorti bil-kawza li fetaħ.
L-Avukat tal-Istat qal li l-kawża li fetaħ l-Kap tal-Oppożizzjoni u t-talba għall-urġenza, hija purament logħba politika ntiża li tiżvesti lill-Gvern mill-poteri fdati lilu.
L-Avukat tal-Istat informa lill-Qorti li ma kienx qiegħed jaqbel li l-kawża li fetħu kontriħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, tinstema’ b’urġenza.
F’risposta għat-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Avukat tal-Istat ħass li kellu jissenjala lill-Qorti, illi l-Kap tal-Oppożizzjoni kien ħalef falz f’diversi istanzi tar-rikors maħluf li biħ ġiet istitwita l-kawża.
Huwa rrefera għal inkonsistenzi li hemm fir-rikors ta’ Bernard Grech u Adrian Delia, liema nkonsistenzi l-Avukat tal-Istat enfasizza li ma kienux żball, imma dak li ddeskriva bħala żgwidar strateġiku lill-Qorti.
Ingħad kif kull kawża għandha titmexxa bi speditezza, iżda mhux kull kawża timmerita li tinstema’ b’urġenza, partikolarment jekk l-urġenza tkun allaċċjata mal-kisba ta’ punti partiġġjani politiċi.
L-interess nazzjonali illi Bernard Grech u Adrian Delia jgħidu illi jridu jħarsu b’din il-kawża, diġà qed jiġi mħares mill-Gvern ta’ Malta assistit mill-istess Avukat tal-Istat, fi proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali quddiem l-International Chamber of Commerce.
“Għalhekk huwa ċar u manifest illi m’hemm ebda raġuni ta’ “urġenza” f’din il-kawża ta’ natura purament politika, intiża biex tibdel il-funzjoni kostituzzjonali tal-Avukat tal-Istat, tenna jgħid l-Avukat James D’Agostino mill-uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.
Il-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni saret b’rikors li kien ikkonfermat b’ġurament mill-Kap tal-Oppożizzjoni, li fiħ jingħad fost l-oħrajn li l-ogħla funzjonarju tal-Gvern Malti, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, aġixxew b’ingann u b’kolluzzjoni ma’ Steward.
Meta wieħed iħares lejn is-sentenza tal-Appell u anke tal-Prim Instanza, fuq l-isptarjiet konċessi lil Steward, imkien ma’ jisemma l-Prim Ministru Robert Abela jew persuni li kienu parteċipi fil-kolluzzjoni u wisq anqas tissemma’ l-kelma korruzzjoni, li fuqha hija bbażata l-kawża li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u d-Deputat Adrian Delia.