L-Avukat personali ta’ Donald Trump, Rudy Giuliani, ta lilu nnifsu f’idejn il-pulizija Amerikana fl-istat ta’ Georgia, b’rabta mal-akkużi kontrih li pprova jimmanipula r-riżultati tal-Elezzjoni Presidenzjali tliet snin ilu.
Rudy Giuliani, li kien is-Sindku ta’ New York, iddaħħal fil-ħabs ta’ Fulton l-Erbgħa waranofsinhar wara li ġie akkużat li allegatament wettaq komplott fir-riżultati elettorali tal-istat ta’ Georgia, stat li Joe Biden rebaħ bi ftit aktar voti.
Giuliani mhuwiex waħdu, hekk kif 18-il persuna oħra qed jiffaċċjaw akkużi simili.
L-uffiċċju tal-Avukat Distrettwali ta’ Fulton qal li jittamaw li l-proċeduri fil-qorti jibdew fis-sitt xhur li ġejjin.
Giuliani qed jiġi akkużat li għamel dikjarazzjonijiet foloz, li kkonfoffa biex joħloq burokrazija falza u li talab lil-leġiżlaturi tal-istat biex jiksru l-ġurament tal-ħatra tagħhom billi jaħtru lista alternattiva ta’ eletturi tal-kulleġġ elettorali favur Trump.
Sadanittant l-Avukat Giuliani saħaq li dan hu attakk mhux fuqu biss, mhux fuq l-Eks President Trump u dawk akkużati miegħu, imma attakk sħiħ fuq il-poplu Amerikan.