Raġel ta’ wieħed u ħamsin sena mill-Fgura ġie akkużat li ffastidja lill-eks mara u li hedded lis-sieħeb tagħha.
L-Ispettur Roxanne Tabone ressqet lir-raġel – li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, u akkużatu b’fastidju, li kkawża biża’ fuq l-eks mara li se tintuża vjolenza fuqha, li segwiha, li għamel użu ħażin minn mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, u li hedded lis-sieħeb tagħha.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet kif ir-raġel kien separat legalment minn ma’ martu, imma ma setax jaċċetta t-tmiem taż-żwieġ tiegħu u kien qed jibgħat u jċempel lill-eks mara u lis-sieħeb tagħha kontinwament, ħafna drabi b’messaġġi ta’ theddid.
Il-koppja ilha li sseparat tliet snin imma r-raġel kien iċempel lill-mara darbtejn kuljum b’numri tal-mobile differenti.
Il-mara rrappurtatu lill-Pulizija fl-erbatax t’Awwissu.
Fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija, ħareġ kif ir-raġel kien iċempel minn daru u mill-post tax-xogħol. Fi tfittxija li saret fir-residenza tiegħu, instabu diversi mobiles u SIM Cards moħbija f’basket tal-litter tal-qtates.
L-avukat tal-akkużat qabbel l-istorja ma’ dik ta’ Romeo u Ġuljetta u qal li l-imputat għadu jħobb lil martu.
Il-Qorti spjegatlu li ma jistax jisforza persuna tħobbu lura u qaltlu li għandu bżonn l-għajnuna biex isib skop f’ħajtu.
Ir-raġel tpoġġa taħt probation għal sentejn u ħarġet ordni ta’ trattament għal sentejn ukoll.
Il-Maġistrat wissietu biex ma jagħmel l-ebda kuntatt mal-mara jew is-sieħeb tagħha nkella jkollu jħallas multa ta’ elf ewro.