L-avukat ta’ Jeremy Harbinson jinsab skomdu wara li nqabad b’żewġt ikpiepel fuq l-inkjesti. Harbinson hu l-espert ewlieni li fuqu bbażat l-inkjesta maġisterjali dwar l-isptarijiet.
Peter Fenech, il-President tal-Kamra tal-Avukati u l-eks Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, tant li kien mexxa l-elezzjoni li biha tneħħa Adrian Delia u tpoġġa Bernard Grech, issa ma jridx iwieġeb għall-fatt li qed jgħid kontra riforma li żżid il-kontabbiltà fl-inkjesti u fl-istess waqt hu l-avukat ta’ Jeremy Harbinson, l-espert li ħa l-miljuni.
Harbinson ma jridx jersaq lejn Malta jixhed u ġie kkwotat li qal li hu ma riedx li jsiru dawk il-prosekuzzjonijiet fl-inkjesta.
Lil Peter Fenech staqsejnih dwar il-fatt li hu l-avukat tal-espert li ma jridx jidher il-Qorti, imma, imbagħad, jitkellem kontra r-riforma li trid iżżid iċ-checks & balances fuq l-esperti li jitqabbdu fil-proċess tal-inkjesti maġisterjali.
Hu weġibna hekk…
Ġurnalist: “Personalment jekk tħossokx komdu li qed titkellem dwar ir-riforma, anke intiża li tindirizza l-abbużi mill-esperti meta inti qed tirrappreżenta lill-espert ewlieni Jeremy Harbinson li ħa l-miljuni mill-inkjesta tal-isptarijiet.”
Fenech: “Mhux qed nifhem il-mistoqsija tiegħek.”
Peter Fenech tant kien skomdu li qal li mhux se jirrispondi.
“M’iniex se nirrispondi l-ebda mistoqsija, għax din hi kwistjoni personali.”
Peter Fenech, Avukat ta’ Harbinson
Peter Fenech ftit ilu wkoll qal li ma kienx jaf bl-attakk fuq il-Maġistrat Nadine Sant Lia mill-għaqda Repubblika wara li din qalet li nies bħal Robert Aquilina għandhom jiġu investigati fuq leaks illegali minn inkjesti.
Il-proċess tar-riforma fl-inkjesti maġisterjali jrid iżid il-kontabbiltà fil-proċess, bħal pereżempju li jkun hemm limitu fuq nefqa u meta dik teċċedi, it-tali nefqa trid tkun approvata mill-Prim Imħallef wara konsultazzjoni mal-Avukat Ġenerali.
Ir-riforma tgħid ukoll li l-esperti jridu jkunu jafu l-liġi Maltija.
Aqra aktar: