“Jeremy Harbinson għamel xogħolu.” Hekk iddikjara Edward Debono, l-Avukat tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech f’kitba fuq Facebook.
Harbinson kien tqabbad mill-Maġistrat Gabriella Vella biex, bħala espert ewlieni, jikkordina x-xogħol kollu fuq l-inkjesta dwar l-isptarijiet, li swiet lill-pajjiż iżjed minn €11-il miljun.
Minbarra hekk, l-inkjesta damet għaddejja mal-ħames snin u r-rapport ġie ppubblikat mill-Maġistrat Vella fil-bidu tal-kampanja elettorali f’Ġunju tas-sena li għaddiet.
Fuq il-bażi tax-xogħol ta’ Harbinson tressqu fil-Qorti numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li qed jiffaċċjaw sensiela ta’ akkużi mill-aktar serji.
Madankollu, meta fl-aħħar xhur bdew il-proċeduri u kif inhi l-prassi bdew jissejħu l-esperti biex iwieġbu l-mistoqsijiet dwar xogħolhom, inkluż mill-avukati difensuri, l-espert Irlandiż Harbinson sparixxa.
Hu injora sensiela ta’ ordnijiet tal-Imħallef Edwina Grima u tal-Maġistrat Rachel Montebello biex jiġi Malta u jixhed fl-awla tal-Qorti, kif mistenni.
Naqas ukoll milli jimxi ma’ ordnijiet oħrajn li ngħata biex jixhed minn pajjiżu bil-video conferencing.
Wara li tħallas €11-il miljun, Harbinson kien qal taħt ġurament li l-inkjesta ma saritx biex jitressqu n-nies il-Qorti u żied li, biex l-esperti barranin jixhdu fil-Qorti, iridu jingħataw ħlasijiet ġodda, minbarra l-miljuni li diġà ngħataw.
Filwaqt li ġie kkundannat bosta drabi għan-nuqqas ta’ osservanza tiegħu mal-ordnijiet tal-Qorti, din il-ġimgħa stess il-Magistrat Rachel Montebello kellha tordna lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex jagħmel l-arranġamenti bil-għan li Harbinson ikun sforzat imur f’qorti fir-Renju Unit u jixhed bil-video conference mal-Qorti Maltija.
Minkejja dan kollu, iżda, l-Avukat Edward Debono, li spiss ikun mistieden fuq l-istazzjon televiżiv Nazzjonalista biex, bl-aktar mod dispreġġjattiv jattakka kull ma jagħmel il-Gvern Laburista, sejjaħ lil Harbinson bħala pedina oħra fost ħafna provi.
L-ironija hi li, meta Harbinson kellu d-dmir jidher fil-Qorti u jressaq dawn il-ħafna provi li kiteb dwarhom Debono, għażel li, minflok, jibgħat nota lill-Qorti, permezz tal-Avukat tiegħu Peter Fenech, fejn iddikjara li minn issa ’l quddiem mhux se jitkellem aktar dwar l-inkjesta.
Ġab l-iskuża li issa irtira u neħħa l-liċenzja ta’ accountant forensiku.
Saħansitra żeffen fin-nofs lil martu u qal li din marida serjament, iżda baqa’ qatt ma ppreżenta ċertifikati mediċi biex jikkonferma dan.
L-Avukat ta’ Bernard Grech, iżda, din il-ġimgħa mar jiġri fuq Facebook biex jgħid li Harbinson għamel xogħolu.
Fl-aħħar jiem, ukoll ħarġet l-ipokrezija ta’ Dr Debono, li waqt li attakka l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, hu jaħdem mad-ditta legali tal-eks President Nazzjonalista, Anne Fenech, Fenech & Fenech Advocates, li hi aġenta tal-istess programm.
Meta taħt kumment ieħor tiegħu fuq Facebook kontra dan il-programm, l-Avukat Anna Mallia kitbitlu li “intom qlajtu lira minnha wkoll”, Dr Debono kien pront iwieġeb “Iva. X’tippretendi ma nużawhiex?”.