Edward Debono, stabbilit fl-establishment Nazzjonalista u avukat ewlieni ta’ Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista, ma kien ħelu xejn ma’ Franco Debono meta kien qed jipparteċipa fi programm fuq ir-radju tal-knisja.
Edward Debono indika li, biex imur lura fil-Partit Nazzjonalista, Franco Debono qed jitlob li jkun fid-diriġenza tal-Partit.
“Però wieħed irid joqgħod attent ukoll, li ma tistax tinsa d-deċiżjonijiet li waqqgħu gvern li ħa Franco Debono.”
Dawn id-dikjarazzjonijiet xejn ma niżlu tajjeb ma’ Franco Debono li minnufih mar fil-programm biex iwieġeb.
“Edward Debono għadu kif gideb fuqi f’dan il-programm. Jiena opinjonijiet naċċettahom, nirrispettahom. Kulħadd għandu dritt għall-opinjoni, kif għandi dritt jien, però gideb miniex se naċċettah.”
Quddiem il-binja tal-RTK, ONE News staqsa lil Franco Debono, fost l-oħrajn, dwar dak li qal Edward Debono s-Sibt filgħodu, jiġifieri li hu għamel xi kundizzjoni jew imqar xewqa li jkun parti mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
“Xtaqt li kien hawn ħalli ngħidlu f’wiċċu, li gideb fuqi. Jiena hemm ħafna Nazzjonalisti, tista’ tarah pubblikament, anke s-survey li għamlu n-Newsbook stess, anke membri tal-eżekuttiv li qed jgħidu, isma’ Franco Debono għandu jipparteċipa fil-Partit Nazzjonalista.”
Franco Debono qal li partit politiku mhux qiegħed hemm biex ikisser in-nies u jikkundanna n-nies għal għomorhom.
Hu qal dan wara li, fil-bidu tal-ġimgħa, ukoll iltaqa’ mad-Deputat Nazzjonalista Alex Borg, kif jixhed ritratt fuq il-midja soċjali.
Franco Debono, li tenna dak il-post fuq Facebook ukoll kiseb aktar appoġġ min-nies milli kellha post oħra ta’ Alex Borg mal-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, qal li Edward Debono mhux parti mid-diriġenza tal-Partit Nazzjonalista.
Iddeskrivih bħala parti minn grupp ta’ nies li poġġew lill-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni għal ħafna snin, b’referenza ċara għall-fazzjoni tal-establishment.
“Dan jifforma parti minn klikka ristretta ta’ nies li minħabba fihom ħafna nies jibżgħu, jitwerwru, jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista u b’telfa wara oħra, tliet telfiet elettorali, qisu dawn lanqas biss iridu jintebħu kemm huma piż kbir (liability) għall-Partit Nazzjonalista.”
Sadanittant Edward Debono, li qed imexxi l-istrateġija legali tal-Kap tal-Oppożizzjoni, inkluż fejn jattakka lill-istituzzjonijiet, kien ikkuntattjat mit-Times biex jipprovdi messaġġ fuq il-midja soċjali minn Franco Debono fejn jgħid li ried jidħol fil-Partit Nazzjonalista b’xi kundizzjoni.
Minkejja dan, kif irrapportat mit-Times hu m’għamilx dan u l-istess midja stqarret li anke hi fittxet, iżda ma sabet xejn li jissuġġerixxi dak li qal l-Avukat ta’ Bernard Grech.