L-avukat Ramona Frendo ġiet appuntata bħala imħallef fil-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qal li rapreżentanti tal-gvernijiet tal-membri stati tal-Unjoni Ewropea approvaw il-ħatra ta’ Dr Frendo flimkien ma’ żewġ imħallfin oħra.
Hija se tkun qed tieħu post il-Professur Peter George Xuereb li kien inħatar f’Ottubru li għadda biex iservi fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
In-nomina ta’ Dr Frendo kienet saret mill-Gvern Malti f’Novembru li għadda wara li giet magħżula minn bord ta’ persuni teknici f’sejħa pubblika.
Dr Frendo għandha 22 sena esperjenza fil-prattika legali, f’oqsma li jvarjaw minn litigazzjoni f’materji ta’ natura Ċivili; Kummercjali; Kriminali; u fl-oqsma tal-Assigurazzjoni; tal-Liġi tal-Familja; u dik Industrijali.
Hija ħadet il-formazzjoni u t-taħrig akkademiku tagħha mill-Università ta’ Malta, mill-Università ta’ Cambridge u riċentement wkoll minn Kings College London.
Hija serviet bħala konsulent f’diversi fergħat tal-liġi nazzjonali u serviet wkoll fil-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.