Il-Qorti laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali biex Mohamed Ali Ahmed Emushraty, magħruf aħjar bħala l-“Lilu King”, tiżdiedlu l-akkuża ta’ traffikar ta’ droga.
Elmushraty kien tressaq akkużat b’ħasil ta’ flus f’Mejju tal-elfejn tlieta u għoxrin.
L-avukati Franco Debono, Josè Herrera u Martina Herrera, li qed jidru għall-akkużat, oġġezzjonaw għal din it-talba, għax ma kinux innotifikati bir-rikors tal-Avukat Ġenerali, iżda l-Qorti wieġbet li d-difiża għandha aċċess għall-atti tal-każ.
Wara pawża biex id-difiża tiġi familjari mal-akkużi l-ġodda, il-Qorti laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali.
Hawn id-difiża oġġezzjonat fejn saħqet li, f’dan il-mument, mhemmx proċeduri kontra “l-Lillu King” u li għalhekk għandu jinħeles mill-arrest. Kien hawn li l-maġistrat irrimarka li l-akkużi stess jgħidu li l-imputat kien qed jiġi ppreżentat taħt arrest.
Il-prosekuzzjoni mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rribattiet li l-liġi espliċitament ppermettiet li jiżdiedu l-akkużi f’dan l-istadju u żiedet li r-riskju tal-intralċ tal-provi issa żdied.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.