L-Avukat Ġenerali ppubblika l-kontro-protest tiegħu wara l-protest li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni li talab għal kopja sħiħa tal-inkjesta indipendenti tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar l-akbar gidba ċċertifikata ta’ Egrant.
L-Avukat Ġenerali m’aċċettax it-talba ta’ Adrian Delia biex jagħtih kopja tal-inkjesta u fil-kontro-protest tiegħu l-Avukat Ġenerali spjega kif huwa uża d-diskrezzjoni li tagħtih il-liġi u għażel li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta.
Huwa żied jgħid li hemm prassi li ma tiġix ippublikata l-inkjesta sħiħa meta l-Maġistrat jindika li għandhom jittieħdu passi ulterjuri jew li għandhom jibdew proċeduri kriminali.
L-Avukat Ġenerali saħaq ukoll li l-Prim Ministru għandu f’idejh il-kopja sħiħa tal-inkjesta għax kien hu stess li talab l-inkjesta indipendenti.
Huwa fakkar ukoll li ppubblika l-konklużjonijiet prinċipali tal-inkjesta sabiex jissalvagwardja l-integrità tal-iskop tal-inkjesta u l-interess pubbliku.
Sadanittant nhar il-Ħadd li għadda, f’ġieh it-trasparenza u l-interess pubbliku, il-Prim Ministru reġa’ saħaq ir-rieda tiegħu li fiż-żmien li ġej jippubblika l-inkjesta fl-intier tagħha, dan anki jekk se jqajjem preċedent u jmur kontra l-fehma tal-Avukat Ġenerali.