Ilbieraħ filgħodu taħt post li tella’ fuq Facebook Robert Aquilina, Godfrey Leone Ganado ppubblika kliem ta’ tixwix u mibgħeda fil-konfront tal-Mexxej attwali tal-Partit Laburista, il-predeċessur tiegħu u kull min jappartjeni għal dan il-partit.
Fid-dawl ta’ dan Dr Daniel Attard, bl-assistenza tal-Avukat Ishmael Psaila, mar il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn ikkwerela dan l-għaġir li skontu jikser l-Artikolu 82A tal-Kodiċi Kriminali.
Fid-dawl ta’ dan Daniel Attard talab lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex minnufih jinvestiga u jipprosekwixxi lil Leone Ganado u jitlob sabiex dan jitressaq il-qorti fejn se tkun qed tintalab minn Attard piena ta’ priġunerija effettiva. Dan għaliex id-dritt tal-espressjoni ħielsa ma jagħtix lil dak li jkun is-setgħa li jxerred it-tixwix u l-mibgħeda.
Godfrey Leone Ganado, li hu qrib ħafna tal-establishment Nazzjonalista, magħruf sew għal kummenti bħal dawn li jxerrdu l-mibegħda u t-tixwix.
F’dan ir-rigward, fuq il-midja soċjali, Daniel Attard tenna li se jibqa’ jinsisti li tittieħed azzjoni kontra kull min jaħseb li hu ’l fuq mil-liġi.