L-Avukat u kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Daniel Attard talab għal investigazzjoni dwar ‘leaks’ mill-Qorti u abbużi mill-proċessi ġudizzjarji.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta ‘It-Torċa’ fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd hekk kif ġie spjegat li Attard permezz ta’ protest ġudizzjarju kontra l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, talab investigazzjoni dwar sensiela ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi minn Jason Azzopardi.
Dikjarazzjonijiet pubbliċi fejn fihom Azzopardi nnifsu jiftaħar li għandu aċċess għal informazzjoni li qatt ma seta’ kellu aċċess għaliha. Dan filwaqt li bl-aktar mod sfaċċat anke saħansitra ppubblika konklużjonijiet minn inkjesta maġisterjali u dan bi ksur tal-kodiċi kriminali.
Fost oħrajn, fil-protest ġudizzjarju li daħħal, Attard għamel aċċenn għal dikjarazzjonijiet minn Jason Azzopardi.
Fosthom kien hemm dik tas-sbatax ta’ Ottubru li għadda fejn Jason Azzopardi sostna li “fit-tliet xhur li ġejjin partikolarment f’Novembru u Diċembru, se jseħħu aħbarijiet f’pajjiżna mill-aspett ġudizzjarju, li se jkunu qawwija ħafna.”
Hawn Dr Daniel Attard sostna li filwaqt li dan “u ċar u inekwivoku li tali dikjarazzjonijiet u oħrajn sussegwenti li saru minn Jason Azzopardi kellhom l-intiża li jiddistabilizzaw il-proċess ġudizzjarju u jinfluenzaw lill-ġudikanti konċernati, bil-konsegwenza li jimminaw ir-reputazzjoni tal-Qorti.”
Dan fl-istess waqt li wieħed irid iqis li Jason Azzopardi nnifsu bħala rappreżentant legali tar-“Repubblika” li skont hu se tingħata raġun, bl-aġir tiegħu rrendet l-proċessi inkwistjoni vvizjati, bi ksur tal-Kodiċi tal-Etika li jirregolaw il-professjoni legali.
Attard spjega wkoll li hekk kif Jason Azzopardi kienu żvela konklużjonijiet ta’ inkjesta maġisterjali huwa ippreġudika l-istess proċess ġudizzjarju li kien qed jirreferi għalih.
Dr Daniel Attard tenna li huwa ċar li “għal dawn l-aħħar xhur u anke snin, kien hemm individwi jew soċjetajiet b’interessi politiċi li kjarament qed jużaw l-istituzzjonijiet ġudizzjarji bħala arma biex jilħqu l-għanijiet malizzjużi tagħhom billi jesponu u jippubblikaw informazzjoni li f’ċertu każi tkun manipulata, bil-konsegwenza li jitfgħu dell ikrah fuq il-Qrati tagħna u l-proċeduri ġudizzjarji b’mod ġenerali.”
Għalhekk b’din l-investigazzjoni Attard temm jgħid li jistenna li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tieħu dawk il-passi kollha neċessarji u teżerċita, skont kull liġi, dixxiplina fuq Avukati fit-twettiq tal-professjoni tagħhom biex tassigura li l-integrità tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji ta’ pajjiżna ma’ tiġix mittiefsa u dan billi kull min ħareġ l-informazzjoni li l-Avukat Azzopardi jiftaħar illi għandu, u kif ukoll, min kien b’xi mod responsabbli għall-aġir illegali allegatament imwettaq, iwieġeb għal għemilu.”