Fl-aħħar ħin ġiet ippubblikata l-inkjesta indipendenti li investigat l-aġir tal-avukat Charles Mercieca, li kien impjegat fl-Uffiċċju tal-avukat ġenerali u rriżenja mill-impjieg tiegħu.
Dan biex ftit wara beda jiddefendi lin-negozjant Yorgen Fenech, is-suspett mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-inkjesta mmexxija mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi qalet li ma jidhirx li Dr. Mercieca ġie f’idejh file b’dokumenti b’rabta mal-evidenza fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech.
Dawn id-dokumenti jinsabu fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali u kopja ta’ dan il-file tinsab imsakkra.
Dan filwaqt li kopja oħra qed tinżamm fir-reġistru tal-Qorti li ma tistax takkwistaha kif ġib u laħaq.
L-inkjesta qalet b’mod ċar li Dr. Mercieca ma kienx involut fil-prosekuzzjoni fil-każ ta’ qtil ta’ Caruana Galizia u ma kienx hemm diskussjonijiet dwar il-każ fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali, li fihom kien hemm involut Charles Mercieca.
L-inkjesta qalet ukoll li l-kuntratt tax-xogħol tal-avukati fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali u l-kodiċi tal-etika għal dawn l-avukati ma jassigurawx biżżejjed korrettezza għal dawk li jħallu l-uffiċċju tal-avukat ġenerali.