L-Avukat Amadeus Cachia ta’ 31 sena li jgħix il-Qrendi nħeles mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet wara li tressaq li l-Ħadd tressaq il-Qorti akkużat li ħareġ digrieti ta’ diferimenti foloz ta’ priġunieri li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif irċeviet rapporti mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin dwar allegat digrieti ta’ diferimenti foloz.
Dan ħareġ hekk kif meta l-awtoritajiet f’Kordin iċċekkjaw mal-Qorti, ġie magħruf li dawn id-dokumenti kienu foloz.
Intqal ukoll kif il-Pulizja kkonfermat mal-awtoritajiet li dawn l-allegat digrieti ma kinux minnhom.
Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll kif il-pulizija waslu għall-imputat wara li ċċekkjaw l-IP address.
Intqal kif dan il-każ allegatament ġara ħames darbiet, fejn darbtejn minnhom instab li ntbagħtu mid-dar tal-akkużat.
Filwaqt li t-tliet darbiet l-oħra dawn intbagħtu minn fuq mobile u allura għadu mhux magħruf jekk dawn intbagħtux mill-Avukat Cachia.
Id-Difiża talbet sabiex isem l-akkużat ma jixxandarx, bil-Prosekuzzjoni oġġezzjonat.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għad-divjett.
Il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Josette Demicoli ħarġet diversi kundizzjonijiet fil-konfront tal-imputat fosthom depożitu ta’ €2,500 u garanzija personali ta’ €10,000.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif hemm numru ta’ xhieda u talbet sabiex ma jkunx hemm kuntatt ma’ numru ta’ persuni.
Fost dawn hemm Imħallfin li jista’ jiltaqa’ magħhom matul xogħlu u priġunieri.
Fuq l-ismijiet tax-xhieda, il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Demicoli ħarġet divjett.
Dr Cachia wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.