Is-settur tal-avjazzjoni se jgħin biex ikompli jkabbar l-ekonomija Maltija billi joħloq iżjed impjiegi u joħloq l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ.
Qal dan il-Ministru għat-Trasport, Aaron Farrugia, waqt li kien qed jindirizza l-għaxar edizzjoni tal-MAVIO Awards.
Il-Ministru Farrugia tkellem dwar kif il-Gvern u din l-industrija għandhom ir-responsabilità li s-settur jibqa’ jissaħħaħ u jkompli jinvesti mal-progress li qiegħed isir, kemm fl-Ewropa u anki lil hinn minnha.
Il-Ministru Farrugia qal li s-settur tal-avjazzjoni bħalissa għaddej minn trasformazzjoni lejn is-sostenibilità.
Qal, “Kelli l-opportunità ma’ diversi stakeholders, kif ukoll l-isfidi, imma wkoll l-opportunitajiet f’din l-industrija li nemmen li hija niċċa importanti u li fiha Malta tista’ timrah fiż-żmien illi ġej. Kelli l-opportunità nisma’ diversi setturi li jmissu mal-avjazzjoni, mhux biss direttament, iżda wkoll b’mod indirett u b’hekk issa nħarsu ’l quddiem biex l-isfidi ndawruhom f’opportunitajiet u Malta bħala ġuriżdizzjoni tkun fost l-aqwa.”
Il-Ministru Aaron Farrugia nnota wkoll kif is-sena li għaddiet, il-mitjar Malti żamm 70% tal-konnessjonijiet bl-ajru, meta mqabbel ma’ qabel il-pandemija.