Il-proġett tal-American University of Malta, li propju lbieraħ ingħata l-liċenzja mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla, se jkun proġett li se jagħti ħajja ġdida lin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, b’aktar tkabbir ekonomiku, aktar opportunitajiet u tkattir ta’ aktar impjiegi.
Il-Partit Laburista qal li fuq kollox dan huwa proġett li se jfisser li f’Malta se jkollna t-tieni Università, Università li huwa maħsub li se tkun qed tattira lejn Malta ’l fuq minn 4,000 student mifrux fuq f’Bormla u Wied il-Għajn.
Iżda minkejja dan, fi stqarrija li ma tħalli l-ebda dubju, jekk qatt kien hemm, ta’ kemm il-Partit Nazzjonalista huwa kontra dan il-proġett, l-Oppożizzjoni kompliet bl-attakki tagħha mhux biss fuq il-proġett innifsu li se jkun ta’ fejda, iżda anke fuq Martin Scicluna, il-persuna responsabbli mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla.
“Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni jinsab mhedi jattakka investimenti ġodda li qed ikunu attirati lejn pajjiżna, dan il-Gvern se jibqa’ impenjat li jkompli joħloq l-opportunitajiet għall-familji Maltin u Għawdxin,” qal il-Partit Laburista