L-Università Amerikana ta’ Malta, l-AUM, iddikjarat li l-proġett tagħha f’pajjiżna huwa miexi skont l-obbligi li joħroġu mill-kundizzjonijiet biex ingħatat liċenzja ta’ università mill-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Ogħla (NCFHE) u awtoritajiet oħra.
Fi stqarrija l-AUM irreferiet għal rapport dwar bidliet fil-ħaddiema u qalet li minn din il-ġimgħa daħlu jaħdmu akkademiċi ġodda. “L-Università għandha full complement f’dan l-istadju tal-proġett,” qalet l-istqarrija tal-Università. “B’dan l-ingaġġ, l-AUM se tgawdi minn staff akkademiku tal-ogħla kalibru inkluż gradwati b’ PhD minn universitajiet rinomati madwar l-Ewropa, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti u l-Awstralja,” qalet l-AUM f’ġimgħa fejn l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni kontra l-proġett. Mozzjoni li, kif tanalizza din il-gazzetta din il-ġimgħa, tinjora r-rekwiżiti tal-kuntratt.
Fl-istqarrija tagħha l-AUM għamlitha ċara li n-numri li qed jissemmew bħala miri li ma ntlaħqux ma jirriflettux il-ftehim tal-kuntratt li huwa pubbliku u aċċessibbli għal kulħadd u mhux veru li ma ntlaħqux. “Ir-realtà hi li l-AUM kienet suġġetta għall-proċess ta’ akkreditazzjoni u kisbet il-liċenzja biex topera u gradwalment se tibda l-ewwel sena tagħha ta’ promozzjoni barra minn Malta biex tikseb rikonoxximent ukoll fi swieq ewlenin barranin,” qalet l-istqarrija bl-Università tispjega li f’dan l-istadju bikri tal-proġett l-Università xorta waħda bdiet iddaħħal l-ewwel studenti f’dik li sejħet ‘soft launch’.
“Dawn l-istudenti diġà kienu assessjati u r-riżultati tal-ewwel semestru kienu sottomessi mill-fakultajiet. It-tagħlim għat-tieni semestru se jkompli fil-15 ta’ Jannar bis-sehem ta’ akkademiċi ġodda,” qalet l-AUM.
L-AUM tenniet li wara l-iskrutinju li għaddiet minnu telqet b’mod immedjat biex tikseb livelli għolja saħansitra qabel it-tnedija formali. “L-AUM diġà investiet ħafna fix-xogħol ta’ restawr u kostruzzjoni f’Baċir Numru Wieħed b’impenn reżolut biex tipprovdi opportunitajiet ta’ studju eċċellenti ta’ tagħlim u riċerka,” kompliet tgħid l-AUM. L-AUM żiedet ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se tniedi inizjattivi ġodda. L-AUM qalet li hi fiduċjuża li dak li se jsir se jirriżulta f’Università ta’ suċċess bl-ogħla reputazzjoni.