F’anqas minn ġimagħtejn mindu ġiet inawgurata, l-Università Amerikana f’Malta ffirmat ftehim storiku mal-Univiersità Amerikana ta’ Arkansas biex jibdew jipprovdu flimkien degree fil-qasam tal-finanzi u fit-tmexxija tan-negozju.
Fi stqarrija, l-Univesità Amerikana f’Matla qalet li dan il-ftehim jikkonferma l-impenn tagħha li ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru internazzjonali għall-eċċellenza fil-qasam tal-edukazzjoni.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-President tal-Univeristà Amerikana f’Malta Dr Lewis Walker u mill-Kanċillier tal-Università ta’ Arkansas Dr Kelly Damphousse fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fil-kampus tal-AUM f’Bormla. L-Università ta’ Arkansas li hija istituzzjoni edukattiva ta’ reputazzjoni għolja fl-Istati Uniti għandha madwar tletin elf student u toffri korsijiet f’bosta oqsma.
Ingħad li ladarba l-istudenti jtemmu l-istudji tagħhom fiż-żewġ universitajiet, se jkunu jistgħu jiggradwaw miż-żewġ istituzzjonijiet. L-AUM qalet li din il-kollaborazzjoni se ssaħħaħ u testendi l-opportunitajiet akkademiċi għall-istudenti taż-żewġ istituzzjonijiet edukattivi. Ingħad li l-għoti ta’ dawn id-degrees qiegħed jiġi aċċettat b’mod globali hekk kif isittuzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla qegħdin jagħrfu l-ħafna benefiċċji u opportunitajiet li joffru dawn il-programmi lill-istudenti internazzjonali.
Żied jingħad li b’dawn l-ideat innovattivi u bi spirtu intraprenditorjali, l-istudenti taż-żewġ istituzzjonijiet se jiksbu perspettiva internazzjonali aktar wiesgħa għas-suċċess fid-dinja tal-lum.
L-Università Amerikana f’Malta qalet li din is-sħubija se tgħinha biex tilħaq il-missjoni tagħha li toħloq opportunitajiet biex tistabbilixxi lil Malta bħala ċentru edukattiv għas-Seklu 21. Il-President tal-AUM Dr Walker żied jgħid li permezz ta’ din ir-rabta mal-Università ta’ Arkansas li qed taħdem magħha, qegħdin isaħħu l-impenn tagħhom li jipprovdu lill-istudneti preżenti u tal-ġejjieni b’edukazzjoni li tibdlilhom ħajjithom u tħejjijhom għall-futur.