Fid-9 u l-10 ta’ Novembru li ġej se jirritorna appuntament annwali mad-dilettanti tal-comics, il-Malta Comic Con, li ilu jiġi organizzat mill-organizzazzjoni Wicked Comics għal dawn l-aħħar 15-il sena fejn dejjem attira eluf ta’ żgħażagħ.
U, għal sena oħra, jawgura li jkun okkażjoni mill-isbaħ mhux biss għall-ammiraturi ta’ tpinġijiet simili, iżda wkoll għal dawk familjari ma’ films ċinematografiċi kbar ta’ Hollywood, tant li se jkun hawn fostna żewġ atturi rinomati u wieħed mill-aqwa karikaturisti tal-kumpanija Marvel.
Dawn huma Sam J. Jones, li kellu r-rwol prinċipali fil-film ‘Flash Gordon’ tal-1980, u Stefan Kapicic, li interpreta r-rwol ta’ Colossus fiż-żewġ films ta’ ‘Deadpool’ fl-2016 u l-2018, u kien ukoll protagonist fil-film ‘The Last Voyage of the Demeter’, li nġibed f’pajjiżna stess.
Magħhom se jingħaqad l-Ingliż Jim Cheung, li għal diversi snin ħadem ma’ Marvel u pproduċa titli, bħal ‘Infinity’, li minnu fl-2018 żviluppa ‘Avengers: Infinity War’. Fl-imgħoddi ħadem ukoll fuq il-comics ta’ ‘Wonder Woman’ u ‘Justice League’.
Il-Comic Con, li għandu l-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti, din id-darba qed jiġi organizzat fl-Eden Arena f’Paceville u, bl-attrazzjonijiet imħejjijin, diġà qed iqanqal entużjażmu u antiċipazzjoni kbira, inkluż minn dawk li jilbsu l-kostumi tal-karattri favoriti tagħhom għall-okkażjoni.