Żjara sorpriża mingħand ir-raġel tiegħu biex jiċċelebra għeluq sninu fi Sqallija, ġiet segwitha b’ġimagħtejn kwarantina.
L-attur Ray Calleja qed jaġġorna s-segwaċi tiegħu fuq Facebook b’dak li qed jagħmel tul iż-żmien li jinsab kwarantina wara btala qasira.
Ma’ ONE News spjega li hu u r-raġel tiegħu Joakim marru Sqallija s-Sibt, jumejn qabel ma l-Gvern Taljan implimenta numru ta’ miżuri drastriċi biex jikkontrolla t-tifqiegħa tal-coronavirus.
“Interessanti li qabel il-lockdown in-nies kienu qed ikunu cautious ħafna fi Sqallija għaliex kull fejn morna ma kien hemm ebda folol imkien.”
Ray u Joakim kienu Sqallija meta l-Gvern ħabbar li se jieqfu t-titjiriet u l-vjaġġi bil-baħar minn u lejn l-Italja, inkluż Sqallija.
“Meta ċempilt lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kien hemm għajnuna immedjata u ġejna lura ġurnata qabel ma konna ppjanati li se niġu lura.”
Spjega li kif waslu Malta marru dritt id-dar għal kwarantina ta’ ġimagħtejn. Qal li bit-teknoloġija u r-riżorsi li jeżisti llum, huwa diffiċli biex ma jsibx kif jgħaddi l-ħin.
Qal li ġietu l-idea biex jagħmel djarju onlajn ħalli anki jekk b’laqta umoristika, jaqsam l-episodji li qed jgħaddi minnhom fuq Facebook.
“Nista’ naħdem mid-dar, nista’ nagħmel ħafna affarijiet mid-dar, nista’ nkun inventiv, sa issa t-temprament huwa li nieħu gost ukoll f’dawn l-erbatax-il ġurnata fejn nista’, m’hemmx x’tagħmel.”
Appella biex kull min siefer fl-aħħar jiem joqgħod kwarantina għaliex ġimagħtejn malajr jgħaddu, u teżisti ħafna għajnuna.
“Bħalissa kif qegħdin aħna ma jonqosna xejn. Importanti li nkomplu nsegwu l-istruzzjonijiet bħal tieħu t-temperatura darbtejn kuljum biex mal-ewwel sintomi inti tkun tista’ ċċempel u tistaqsi x’għandu jsir u timxi eżatt mal-istruzzjonijiet li qed jagħti l-Ministeru tas-Saħħa, mill-bqija, tbissmu fejn tistgħu.”