Damian Buhagiar, attur Malti ta’ 30 sena, li għażel li jkompli bil-karriera teatrali tiegħu barra minn xtutna, għadu kemm ingħata rwol prinċipali f’sitcom popolari Britannika, bl-isem ta’ ‘Gavin and Stacey’, miktuba mill-preżentatur u komiku famuż James Corden, flimkien ma’ Ruth Jones.
Buhagiar ilu fl-Ingilterra u attwalment jaqsam il-ħin tiegħu bejn Londra u Malta. Fir-Renju Unit hu kompla bl-istudji tiegħu u kiseb b’suċċess Baċellerat fl-Arti Mużikali bl-Unuri.
ONE News kien iltaqa’ ma’ Damian 13 il-sena ilu, fejn dak iż-żmien kien għad kellu 18 il-sena u kien fit-tielet sena tal-istudji barra minn Malta.
Issa Buhagiar interpreta l-parti ta’ żeffien fil-finali speċjali tas-sitcom popolari tal-BBC, li xxandret nhar il-Milied. Is-sitcom kienet intemmet fl-2010, iżda kienet diġà saret rappreżentazzjoni speċjali fl-2019 qabel din is-sena.
L-interpretazzjoni ta’ Buhagiar intlaqgħet tajjeb ħafna fost l-aktar minn tnax-il miljun telespettatur li segwew l-edizzjoni speċjali din is-sena.
F’kummenti lill-midja, Damian qal li jinsab kburi li kien parti mill-finali ta’ ‘Gavin and Stacey’ f’dawn il-festi u dan il-mument se jibqa’ jgħożżu tul ħajtu kollha, anke għax dan il-grupp ta’ produzzjoni kien wieħed li ispirah.
Din ma kinitx l-ewwel darba li Buhagiar ħadem flimkien mal-producer Ruth Jones, tant li aktar kmieni din is-sena ħadem magħha fil-produzzjoni famuża ta’ ‘Sister Act’ fil-West End.