L-attriċi Ingliża Natascha McElhone, magħrufa għall-irwoli notevoli tagħha f’films bħal ‘The Truman Show’ u ‘Solaris’ u s-serje televiżiva ‘Californication’ f’dawn il-jiem se tkun Malta biex tipparteċipa fil-Mediterrane Film Festival.
McElhone hija mfaħħra mill-kritiċi u tul is-snin kisbet segwitu minn fans madwar id-dinja kollha. Is-sena l-oħra ġiet nominata għal WIN Award għas-sehem tagħha fis-serje drammatika ‘Halo’.
Fl-2021, McElhone kellha rwol prinċipali fil-produzzjoni Maltija-Kanadiża bit-titlu “Carmen.” Din il-produzzjoni nħadmet f’Għawdex. Il-film ħareġ il-ħila tagħha li tagħti ħajja lil karattri kumplessi, minbarra li serva biex saħħet aktar ir-rabta tagħha ma’ Malta.
L-ewwel edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival se tiġi organizzata mill-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Films bejn il-25 u t-30 ta’ dan ix-xahar.