Fost iċ-ċelebrazzjoni tal-eluf, il-kappella ddedikata lil San Ġorġ fil-kastell Windsor kienet il-post fejn il-Prinċep Harry u Megan Markle inagħaqdu fiż-żwieġ.
It-toroq madwar il-kastell Windsor ġew imżejna b’numru kbir ta’ bnadar tar-Renju Unit fejn folol kbar ta’ nies laqgħu b’ferħ dan iż-żwieġ irjali.
Sabiex jassiguraw post fuq quddiem uħud minn dawn il-persuni saħansitra qattgħu numru ta’ ljieli ikkampjati barra.
Wara ċ-ċerimonja l-koppja ħarġet mill-knisja u fost l-għajjat u ċ-ċapċip issiġillaw iż-żwieġ tagħhom b’bewsa fuq it-taraġ ta’ Windsor. Wara, permezz ta’ karozzella akkumpanjata minn diversi żwiemel tal-Gwardja Rjali daru mat-toroq li jwasslu lejn il-Kastell ta’ windsor fejn saret iċ-ċerimonja uffiċċjali.
U filwat li fl-inħawi ta’ Windsor, il-folol kienu entużjasti għal dan iż-żwieġ, żorna l-Belt Valletta, u tkellimna ma’ numru ta’ turisti Ingliżi li jinsabu fuq btala f’pajjiżna.
Minkejja li ħafna qalu li kienu qed isegwu dan it-tieġ uħud qalulna li l-ħajja tal-familja Rjali ma tantx kienu jinteressawhom.
Intant wara li l-Prinċep William u martu issa ilhom seba’ snin miżżewġin u għandhom tlett itfal, tinbet il-mistoqsija jekk il-Prinċep Harry u martu Meghan hux se jimxu fuq il-passi ta’ ħuh il-kbir.
B’uħud isostnu li l-Prinċep Harry u martu għandhom ix-xewqa li mingħajr telf ta’ żmien, anke huma jkollhom l-ulied.