Sal-31 ta’ Diċembru, fiċ-Ċentru Interattiv għax-xjenza, l-Esplora, fil-Kalkara, qed tittella’ l-inizjattiva ‘Santa’s STEM Factory’.
Dan qed isir bil-għan, kif deskritt mid-Direttur tal-Esplora, James Catania, li tiġi esposta ix-xjenza wara numru ta’ tradizzjonijiet festivi, partikolarment b’rabta maż-żmien tal-Milied.
“Nikkomunikaw b’mod divertenti għat-tfal ix-xjenza ta’ matul il-Milied. Jiġifieri hawnhekk tistgħu taraw workshops, science shows, dak kollu li nagħmlu, imma kif tistgħu taraw, b’ħafna tiżjin nostalġiku, ħafna dawl u ħafna attivitajiet apposta għal dawn l-għaxart ijiem. Jiġifieri qbadna l-affarijiet tradizzjonali Maltin, li jsiru fil-Milied, u qed nispjegaw ix-xjenza ta’ warajhom.”
Direttur, Esplora, James Catania
Catania kompla jispjega kif dak li qed jittella’ mhux biss għat-tfal jew studenti ta’ età żgħira, iżda hemm numru ta’ workshops li huma mmirati li jsiru bejn il-ġenituri u t-tfal, b’numru ta’ attrazzjonijiet għall-adulti.
Waqt li konna qed induru l-post, stajna ninnotaw ukoll li, apparti l-workshops organizzati apposta, hemm numru ta’ makkinarji li jħeġġu t-tfal jesploraw huma nfushom.
Id-Direttur tal-Esplora temm iħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur iċ-ċentru tax-xjenza kemm biex jikseb aktar informazzjoni relatat ma’ dati kif ukoll għax-xiri tal-biljetti tad-dħul.
B’differenza għal snin preċedenti, il-prezz tad-dħul hu wieħed fiss u mhux biljett għal kull attrazzjoni.