“Id-delegazzjoni Laburista l-ġdida fil-Parlament Ewropew żammet kelmtha u ltaqgħet magħna u semgħetna”. Hekk iddikjara Joseph Bugeja, President tal-Assoċjazzjoni tal-Operaturi tat-Tractors u t-Trailers, l-ATTO, wara laqgħa mal-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba, Daniel Attard u Thomas Bajada, fejn tressqu l-proposti tal-istess negozji b’rabta ma’ regoli ġodda tal-Unjoni Ewropea għall-ivvjaġġar u t-trasport tal-merkanzija.
Il-leġiżlazzjoni Ewropea, imsejħa Emissions Trading System jew ETS, ġiet deskritta bħala sproporzjonata u li ma tiħux inkonsiderazzjoni tar-realtajiet partikolari ta’ pajjiż gżira bħal dawk ta’ pajjiżna.
F’dan ir-rigward, l-ATTO, flimkien mal-operaturi tat-trailers fl-Irlanda, il-Kmamar tal-Kummerċ ta’ Ċipru u Malta, u l-Malta Business Bureau, elenkat l-isfidi li qed jiltaqgħu n-negozji f’dawn il-pajjiżi u fasslu proposti li jindirizzaw tali inġustizzji, inkluż taxxi eżorbitanti fis-sena.
Għaldaqstant ġew ippreżentati lill-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista biex ikunu jistgħu jitressqu fil-Parlament Ewropew u tissaħħaħ il-vuċi Maltija f’dan ir-rigward.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon, Bugeja saħaq dwar l-importanza tal-proposti mressqin għal settur li hu kruċjali għall-ekonomija Maltija.
“Il-konsumatur Malti rridu nipproteġuh aħna, għax ħafna mill-merkanzija tiġi tramite t-trailer operations. It-taxxa żejda fuq il-baħar tiswa €7 miljun fis-sena. Spejjeż żejda li mhu qed jiggwadanja ħadd, jiġifieri dak kollu li għandna bżonn nipproteġu biex nibqgħu kompetittivi naħseb hu importanti għall-konsumatur Malti u għall-industrija Maltija.”
Il-President tal-ATTO tenna xi sfidi li qed jiffaċċjaw bħalissa u kif Malta ma tistax titpoġġa fl-istess keffa ta’ pajjiżi li jinsabu fuq l-art prinċipali tal-Unjoni Ewropea, anke għaliex huma ferm akbar minna.
Semma wkoll il-kawża pendenti fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fejn Malta qed titlob biex tiġi annullata r-regola tar-ritorn tal-vetturi fil-Pakkett ta’ Mobbiltà tal-Unjoni Ewropea.
Tali regolament jobbliga lill-operaturi fil-ġarr tal-merkanzija biex jirritornaw lejn il-pajjiż li fih ikunu bbażati kull tmin ġimgħat. Xi ħaġa li ma tagħmilx sens għal Malta.
Dan mhux se jkollu impatt negattiv qawwi fuq l-ambjent inġenerali, iżda anke s-settur tat-trasport lokali u l-ekonomija nazzjonali se jbatu konsegwenzi mill-aktar serji minħabba l-insularità ta’ pajjiżna.
“Għandna pendenti l-ETS, it-taxxa żejda fuq il-parti tal-baħar u li aħna inevitabbli u rridu nużaw il-baħar. Qed nistennew deċiżjoni mill-Qorti dwar ir-return of vehicle lejn Malta li jekk ma tinqatax favurina hija ta’ impatt negattiv u naħseb l-approach li għandu jsir fejn pajjiżi, gżejjer bħal tagħna, għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari u mhux one-size-fits-all.”