F’laqgħa mal-membri tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-KNŻ, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li jħares ’il quddiem biex ikompli jiżdied l-attiviżmu taż-żgħażagħ fil-politika biex ikomplu jixprunaw aktar bidliet f’pajjiżna.
F’laqgħa f’Kastilja, il-Prim Ministru nnota kif iż-żgħażagħ mhux biss huma katalisti għall-bidla iżda bil-vuċi tagħhom jistgħu jisfidaw l-istatus quo, jinfluwenzaw bl-ideat tagħhom u flimkien ikomplu jimbuttaw riformi li jagħmlu differenza tanġibbli f’ħajjet in-nies.
Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern jemmen li ż-żgħażagħ għandhom jibqgħu jkunu fil-qalba tad-deċiżjonijiet.
Huwa saħaq dan f’kuntest tat-twaqqif tal-Youth Advisory Forum imħabbar f’laqgħa ta’ Kabinett maż-żgħażagħ u li l-Ġimgħa se jkunu qed jagħlqu l-applikazzjonijiet għal dawk bejn is-16 u l-35 sena li jixtiequ jkunu parti minn dan il-forum.
Dr Abela rrimarka li dan il-forum se jitlob impenn u se jkun strument importanti ta’ konsultazzjoni maż-żgħażagħ fuq temi nazzjonali.
Il-President tal-KNŻ Mariah Zammit laqgħet it-twaqqif ta’ dan il-forum u l-fatt li l-KNŻ se jkollu rappreżentant fost id-disa’ membri tal-forum u anki se jkun parti mill-bord tal-għażla biex tmien żgħażagħ oħra jservu għal terminu ta’ 18-il xahar.
Qalet li l-forum se jkun opportunità tajba biex bħala Kunsill iwassal l-opinjonijiet taż-żgħażagħ fuq bosta suġġetti.
Sostniet li dan se jsir ukoll fil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Zammit spjegat ukoll kif il-KNŻ jirrappreżenta firxa wiesgħa ta’ żgħażagħ, mhux biss studenti iżda anki ħaddiema.
Laqgħet ukoll il-ħtieġa li l-attiviżmu taż-żgħażagħ ikompli jissaħħaħ, u ppreżentat lill-Prim Ministru l-pjan ta’ ħidma tal-KNŻ għat-tnax-il xahar li ġejjin.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru Clifton Grima, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul, Keith Azzopardi Tanti u Rebecca Buttigieg, id-Deputat tal-Gvern Naomi Cachia u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.