U l-attivitajiet reliġjużi jistgħu jsiru bil-protokolli stabbiliti.
Saħaq dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt tweġiba għall-mistoqsijiet mill-ġurnalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet hekk kif kien qed jitkellem dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-Covid-19 f’pajjiżna.
Fil-fatt huwa spjega li bl-istess mod li saret l-attività tal-Fun Run, l-istess japplika għal attivitajiet reliġjużi.
Id-Deputat Prim Ministru qal li dawn jistgħu jsiru skont il-protokolli fis-seħħ, sakemm li dwar l-attivitajiet reliġjużi lanqas ma jkun hemm oġġezzjoni mill-Kurja.
Nisimgħu x’qal il-Ministru għas-Saħħa.
Qal, “Ma hemm l-ebda diskriminazzjoni naturalment wieħed irid jimla l-applikazzjoni tiegħu bħal kull event oħra. L-istanding events, il-kriterji huma ċari – jistgħu jattendu biss nies li huma vaċċinati, jridu jkunu lebsin il-maskra u hemm limitu ta’ mitt persuna u ma jistgħux ikunu aċċessibli għal persuni oħrajn li mhumiex parti minn dik l-attività.”
Min-naħa tagħha, il-Kurja qalet li l-Knisja se tibqa’ fi djalogu mal-Awtoritajiet tas-Saħħa u l-partijiet involuti, fosthom l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.