Il-Kunsill Lokali tal-Kalkara, għaddej bil-preparamenti tiegħu sabiex il-Ħadd 23 ta’ Frar, Ħadd qabel il-Karnival jospita FESTA ĦELU. Din se tkun ir-raba’ edizzjoni, iżda din is-sena l-Kunsill Lokali ħaseb sabiex ikabbar u jagħti dimensjoni ġdida lil din il-festa li daħlet fil-kalendarju tal-attivitajiet fil-Kalkara.
Infatti, FESTA ĦELU din is-sena se titella’ fil-pjazza ta’ quddiem Villa Bighi, maġenb l-Esplora. In-nofstanhar tal-Ħadd filgħodu bejn id-9am u s-1pm, quddiem Villa Bighi se jiġi trasformat f’żona mill-isbaħ fejn il-familji jistgħu jgawdu ħin ta’ rilassament. Speċjalment għat-tfal, se jkun hemm diversi logħob, fosthom karusell u anke pitch tal-football partikolari. Ovjament ma jonqsux il-bankarelli bil-bejgħ ta’ ħafna ħelu, ħlewwiet u oġġetti oħra f’atmosfera ferrieħija

FESTA ĦELU se tkun annimata bl-għana tradizzjonali għal Ħadd filgħodu, kif ukoll se jkun hemm is-sehem ta’ Tikka Banda kif ukoll il-kantant Fabrizio Faniello. Is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina stqarr li wara s-suċċess tal-attività L-Għodwa taċ-Ċitru f’Jannar li għadda, din is-sena l-Kunsill Lokali ħadem sabiex ikabbar FESTA ĦELU u qed jagħmel stedina biex nhar il-Ħadd bosta persuni jingħaqdu mal-Kalkariżi għal din l-għodwa pożittiva u kkulurita f’żona mill-isbaħ fir-raħal tal-Kalkara. ”Ejjew il-Kalkara, ħudu gost magħna. Kif tkunu hawn, apparti Festa Ħelu, tistgħu tidħlu l-Esplora, jew tmorru xi passiġġata max-Xatt sabiħ tagħna u tieklu xi ħaġa fiż-żona stess’‘ – tenna is-Sindku Aquilina
Għal dawk li jixtiequ li jżuru FESTA ĦELU, il-Kunsill Lokali ħa ħsieb li jikkordina Park&Ride b’xejn. Xarabank tradizzjonali (vintage bus) se tkun qed idur mal-Kalkara u tista’ tirkeb jew tinżel minn fuq kull bus-stop madwar il-lokalità biex tasal b’mod komdu għall-attività. Iċ-ċentru interattiv l-Esplora, li jinsab maġenb fejn se titella’ FESTA ĦELU se jkun qed joffri skont u offerti speċjali għal dawk il-familji bit-tfal li kif ikunu l-attività jkunu jixtiequ jżuru ċ-ċentru fl-istess ħin.

FESTA ĦELU ta’ din is-sena setgħet tkun possibli b’fondi addizzjoni li l-Kunsill Lokali applika għalihom taħt l-iskema għall-attivitajiet tal-Karnival maħruġa mid-diviżjoni għall-Gvern Lokali fi ħdan is-Segretarjat għall-Gvern Lokali. Infatti, peress li nhar il-Ħadd jinzerta Ħadd qabel il-Karnival, l-istedina hija miftuħa biex it-tfal u min jixtiequ jistgħu jattendu bil-kostum tal-Karnival