L-eks President Amerikan u kandidat għall-elezzjoni Presidenzjali Amerikana Donald Trump għamilha ġo presepju Naplitan.
Dan hekk kif, f’dan il-presepju partikolari, li wkoll jiġbor fih għadd ta’ persunaġġi magħrufa minn madwar id-dinja, tfaċċat xena dwar l-attentat ta’ qtil fuqu fi tmiem il-ġimgħa li għadda, waqt li kien qed jindirizza lill-partitarji tiegħu f’Pennsylvania.
F’dan il-presepju, li sar minn ċertu Marco Ferrigno, l-eks President Amerikan jidher bid-demm ma’ wiċċu, ixejjer lill-folla quddiemu, waqt li mdawwar minn uffiċjali tas-sigurtà.
Dan eżattament kif seħħ is-Sibt li għadda, meta ż-żagħżugħ Thomas Matthew Crooks spara numru ta’ tiri fid-direzzjoni ta’ Trump, iżda ħelisha bi żbrixx hekk kif laqtu biss f’widintu l-leminija.