Il-General Workers’ Union ikkundannat bil-qawwa kollha, dak li sejħet “attentat tat-tmexxija tat-Tarzna ta’ Palumbo biex tgħawweġ il-fatti li ġraw dalgħodu.”
Fi stqarrija, il-GWU qalet li r-realtà hija li l-ħaddiema xebgħu jkunu intimidati.
“Il-protesta tal-lum mill-ħaddiema kienet turija ta’ dan u b’appoġġ għall-mod inġust u arbitrarju li bih tkeċċa wieħed minn fosthom.”
Għaldaqstant, il-GWU ċaħdet li l-ħaddiem intemmlu l-impjieg għax kien arroganti ma’ xi membru tal-management.
“Fir-realtà l-affarijiet ġraw mod ieħor. Kienet l-istess membru tal-management li pprova iġġiegħel lill-ħaddiem jikteb u jiffirma l-ittra tar-riżenja mill-impjieg. Kienet l-istess membru tal-management li hedded lill-istess impjegat li jekk mhux se jagħmel kif qed tgħidlu kienet se ġġiblu l-pulizija. Minħabba li l-ħaddiem żamm sod u ma waqgħax għat-theddid u l-intimidazzjoni, il-management ivvinta l-iskuża li dan ma laħaqx il-livelli mixtieqa u b’hekk keċċieh. Il-ħaddiema sħabu kollha qed jiċħdu dan u għalhekk ħarġu jipprotestaw kontra l-gideb u l-intimidazzjoni tal-management,” spjegat il-GWU.
Il-GWU għaldaqstant għamlet twissija lill-management tat-Tarzna ta’ Palumbo biex b’mod immedjat iwaqqaf dan l-atteġġament arroganti u intimidatorju.
“Aktar minn hekk il-GWU se tkun attenta għal dak kollu li qed iseħħ ġewwa t-Tarzna u lesta li tieħu dawk l-azzjonijiet kollha permessi mil-liġi biex tipproteġi l-impjiegi u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-imsieħba tagħha fit-Tarzna ta’ Palumbo, inkluż waqfien mix-xogħol,” temmet għid l-istqarrija.
Aqra aktar: AĠĠORNAT: Palumbo tirreaġixxi għall-protest tal-ħaddiema