“L-attakki fuq il-ġudikatura huma dawk li l-Partit Nazzjonalista u l-alleati tiegħu għamlu selettivament fuq membri tal-ġudikatura fl-aħħar snin.”Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, fejn ġie nnotat li fil-fatt ma kienx b’kumbinazzjoni li l-Kelliem Nazzjonalista Karol Aquilina ħareġ l-istqarrija ftit tal-ħin wara li Robert Aquilina għamel konferenza tal-aħbarijiet bl-istess kontenut.
Wara kollox dawn l-attakki fuq l-istituzzjonijiet, inkluż fuq il-ġudikatura, dejjem sabu l-kordinament taż-żewġ naħat, inkluż bi promozzjoni kontinwa fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Intqal li l-Partit Nazzjonalista għandu jifhem li d-domandi leġittimi mhumiex attakk.
Il-Partit Laburista tenna li attakk hu meta tipprova tintimida mħallef b’kummenti fuq il-midja soċjali, kif għamlu nies fil-Partit Nazzjonalista.
Attakk hu meta taqla’ l-mejjet, biex tbeżża’ u tipprova ġġiegħel jirrikuża ruħu mħallef.
Attakk hu meta thedded maġistrat b’impeachment kif sar mill-establishment tal-Partit Nazzjonalista.
Attakk hu dak li l-Partit Nazzjonalista jagħmel kontinwament fuq l-Avukat Ġenerali, inkluż li jfittixha personalment.
Attakk hu dak li l-Partit Nazzjonalista jagħmel fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija meta jheddu li jftittxu personali jekk ma jagħmilx dak li jrid hu jew meta jmur wara l-bieb tiegħu bil-Facebook live biex jintimidah.
Attakk hu meta l-Avukat tal-Istat jiġi mhedded li jiġi mfittex personalment għax għamel dak li titlob minnu l-Kostituzzjoni.
Il-Partit Laburista sostna li dawn huma biss eżempji riċenti.
F’din l-istqarrija, intqal li, b’kuntrast, f’dan il-pajjiż kien Gvern Laburista, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, li saħħaħ l-istituzzjonijiet u l-indipendenza tagħhom.
Il-Partit Laburista temm jgħid li dan ma jfissirx li wieħed ma jitlobx l-ogħla forma ta’ kontabbiltà kif isir f’kull istituzzjoni demokratika. Ebda branka tal-Istat ma hi eżenti mill-iskrutinju u rendikont lejn il-poplu.