Sorsi fil-Partit Nazzjonalista żvelaw ma’ One News li l-istrateġija tal-kampanja tal-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ġiet fdata f’idejn id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone u Pierre Portelli li huwa responsabbli mill-kontenut li jixxandar fuq The Malta Independent.
Fid-dawl tal-attakki bla waqfien li l-blogger Nazzjonalista Daphne Caruana Galiza qed tagħmel fuq Delia, is-sorsi fil-Partit Nazzjonalista żvelvaw li l-ġimgħa l-oħra, Schiavone mar f’laqgħa li Delia kien qed jorganizza f’Ħaż-Żabbar u mingħajr il-preżenza tal-cameras, kien hu li kellem lill-kunsilliera u t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-messaġġ tiegħu lill-kunsielliera Nazzjonalisti, Schiavone qalilhom li l-attakki fuq Delia mistennija jkomplu u jintensifikaw sa qabel l-elezzjoni għall-ħatra ta’ kap ġdid fil-bidu tax-xahar id-dieħel.
Fl-aħħar sigħat, id-deputat Nazzjonalista fuq il-ħames distrett Herman Schiavone kien ukoll fil-mira tal-blogger Daphne Caruana Galizia meta din ippubblikat ritratt tiegħu ma’ Adrian Delia jieħu kafe mal-ex Ministru Nazzjonalista Michael Falzon u l-Avukat Edward Gatt.
L-istess sorsi sostnew li f’każ li Delia jirbaħ it-tellieqa għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Pierre Portelli mistenni jinħatar fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista filwaqt li Schiavone mistenni jkollu rwol ewlieni fl-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.