Il-pulizija Spanjola spjegat li qatlet ħames persuni f’Cambrils viċin Barċelona wara li kien hemm attentat ieħor t’attakk permezz ta’ vann.
F’dan l-attakk seba’ persuni inkluż uffiċjal tal-pulizija ndarbu wara li vann beda jsuq fuq in-nies iżda l-forzi tas-sigurtà innewtralizzaw dan l-attakk milli jkompli għaddej.
Intant aktar qabel minn tal-inqas tlettax-il persuna nqatlu u għexirien oħra weġġgħu serjament wara li vann saq fuq il-folla f’Las Ramblas, Barċellona.
Dan il-post fil-belt Spanjola hu popolari ħafna mat-turisti. Dawn in-numri kienu kkonfermat mill-pulizija u l-awtoritajiet lokali.
Il-vann instaq fuq il-parti pedonali u filwaqt li persuni ntlaqtu oħrajn ħarbu.
Il-pulizija qed tqis li dan kien attakk terorristiku wara li anki aġenzija tal-aħbarijiet li jinqeda biha l-Istat Iżlamiku ħabbar li l-grupp fundamentalista Iżlamiku refa’ r-responsabilità ta’ dan l-attakk.
Il-pulizija qed tfittex lil żagħżugħ Marokkin bl-isem ta’ Driss Oubakir. Allegatament dan wettaq l-attakk bil-vann f’Barċelona imbagħad ħarab bil-mixi.
Il-pulizija Spanjola qiegħda wkoll torbot dawn l-attakki f’Barċelona u Cambrils ma’ splużjoni li seħħet l-Erbgħa f’dar f’Alcanar.
F’din l-isplużjoni raġel inqatel u rapporti qed jgħidu li hemm hekk seta’ kien hemm min qed jipprepara xi splussiv. Il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy qal li dan kien attakk mill-militanti jiħadisti.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat filwaqt li offra s-solidarjetà lejn il-poplu Spanjol saħaq li sa issa ma jidher li kien hemm l-ebda Maltin vittmi f’dawn l-attakki.