Il-gazzetti tal-Ħadd innutaw l-attakk tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fuq l-Ispeaker tal-Parlament Dr Anġlu Farrugia, b’kittieba oħra, ħaten Beppe Fenech Adami, Kevin Cassar, u s-sieħba ta’ Simon Busuttil, Kristina Chetcuti, jattakkaw lill-istess Speaker.
L-eks Ministru Nazzjonalista, il-Perit Michael Falzon innota kif fuq il-kwistjoni tal-Ispeaker, il-Partit Nazzjonalista ma tilifx l-opportunità li jibgħat messaġġi kunfliġenti u jappoġġja protesta tal-għaqda Repubblika, li talbet għar-riżenja tal-Ispeaker anki jekk fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni qagħad attent li ma jitlobx vot ta’ sfiduċja fl-Ispeaker.
Falzon żied jikteb li d-drammatiċità żejda, referenza għal dak li għamlet l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech, ma tgħinx.
Michael Falzon żied ifakkar f’dak li qal l-Ispeaker, li s-saltna tad-dritt tgħodd għal kulħadd.
Dan b’reazzjoni għall-aġir tal-Oppożizzjoni li ma għoġobhiex kif iddeċieda l-Ispeaker.
Fil-fatt meta din il-ġimgħa ħareġ mill-Parlament wara d-diskussjoni ta’ mozzjoni b’attakk fuq l-Ispeaker, Bernard Grech ħareġ jhedded bħal wieħed li jekk ma jsirx kif jgħid hu, iħassar. “L-Ispeaker ikollu jirriżenja jekk u nibdew nitolbu t-talba biex jirriżenja jekk huwa jibqa’ bl-imġieba tiegħu anke kull ruling illi jagħti imur dejjem jekk jiffavorixxi lill-Gvern tal-ġurnata.”
Fuq il-gazzetta t-Torċa wkoll kien hemm referenza għall-aġir tal-Oppożizzjoni fil-konfront tal-Ispeaker, bil-gazzetta tirrimarka li l-Gvern ma jaqbilx mat-tibdil propost mill-Oppożizzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Dan hekk kif dan il-Kumitat qiegħed juri bil-fatti kemm tassew qiegħed jaħdem fejn saħansitra addotta rapport tal-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler fil-konfront ta’ Deputat.
Il-Gvern qed ifakkar ukoll li l-liġi li tirregola l-Kumitat Permanenti dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika kienet saret bi qbil mal-Oppożizzjoni.
Saħansitra f’seduta parlamentari t-Tnejn filgħaxija l-Prim Ministru Robert Abela nnota kif l-Ispeaker saħansitra mexa fuq liġi li vvotat fuqha l-Oppożizzjoni meta ġiet biex tkun addotata il-prassi tal-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. “Inti Onorevoli Karol Aquilina, int kont Membru Parlamentari li vvutajt li waħda mill-pieni, mis-sanzjonijiet li hemm fl-Att tal-Istandards hija t-twiddiba u ċ-ċanfira. Mela allura inti ma tistax issa tiġi quddiem din il-Kamra u tgħid jien se nisfiduċja lill-Ispeaker għax applika l-liġi li vvutajt għaliha inti stess.”
Intant fuq l-Independent, il-kandidat Nazzjonalista fi żmien Simon Busuttil, Kevin Cassar, kiteb artiklu kontra l-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Cassar infexx jgħid li l-Ispeaker ma qalx il-verità meta kien mistoqsi fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u skontu waqqaf lil Karol Aquilina, id-Deputat Nazzjonalista u ħu l-President tal-għaqda Repubblika, milli jsaqsi mistoqsijiet fil-Parlament.
Imbagħad fuq it-Times, is-sieħba tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil infexxet fi kliem dispreġjattiv fil-konfront tal-Ispeaker.
Filwaqt li Kristina Chetcuti dehrilha li l-Ispeaker huwa patetiku u l-aktar redikoli fost l-Ispeakers kollha li kellu l-Parlament Malti fl-istorja, hija qalet ukoll li Dr Anġlu Farrugia għandu l-agħar elementi tal-karattru Malti.
Lejn tmiem l-artiklu, is-sieħba ta’ Busuttil qalet li Anġlu Farrugia m’għandux jibqa’ Speaker biex kompliet mal-attakki ta’ Bernard Grech kontra min jippresedi s-seduti tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.