Il-Gvern ħabbar id-dettalji dwar l-Att li jirriforma l-liġi dwar l-edukazzjoni f’Malta u li mistenni jidħol fis-seħħ f’Ottubru li ġej.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern ġewwa l-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke hekk kif ġie spjegat li dan l-Att għandu l-għan li joħloq bilanċ bejn id-drittijiet u d-dmirijiet tal-ġenituri, l-istudenti u l-imsieħba kollha fis-settur.
Fil-fatt, dan l-att jinvolvi diversi reviżjonijiet fosthom ir-rikonoxximent uffiċjali ta’ tagħlim mid-dar għal raġunijiet validi. Dan jista’ jinvolvi każijiet bħal dawk ta’ studenti barranin li jiġu Malta mal-ġenituri għal ftit xhur. Hawnhekk il-ġenituri jridu jgħaddu minn proċess ta’ applikazzjoni fejn fost oħrajn iridu jinkludu l-programm ta’ edukazzjoni li qed jirċievu wliedhom u li jista’ jkun ukoll awditjat.
Permezz ta’ dan l-att issa d-dritt għal edukazzjoni se jestendi wkoll ċittadini minn pajjiżi terzi.
Dwar aktar dettalji f’dan l-Att, ONE News tkellem mal-Avukat u Konsulent Dennis Zammit hekk kif ippreżenta preżentazzjoni dettaljata dwaru.
Fost oħrajn magħna spjega t-twaqqif ta’ Bord ġdid: “Twaqqaf Bord biex fejn ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-Awtoritajiet edukattivi u l-ġenituri fuq xi materja u deċiżjoni tal-istudent din l-issue tista’ tiġi riżolta quddiem dan il-bord biex b’hekk ovjament wieħed dejjem iħares lejn dak li huwa ta’ ġid għall-istudent u mhux dak li jrid il-Kap tal-Iskola jew dak li forsi jridu l-ġenituri.”
Spjega wkoll punt li jinvolvi dan l-att dwar il-protezzjoni tal-edukaturi hekk kif issa dan jipproteġi wkoll kwalunkwe impjegat fl-iskejjel f’każ ta’ aggressjoni.
Zammit sostna: “Frixnieh ukoll mhux biss ġol-binja tal-iskola imma anke jekk inti qed tuża’ post bħala estensjoni tal-iskola. Biex nagħti eżempju jekk inti mort ġo sala fejn qed tagħmel drama għaliex inti fl-iskola tiegħek m’għandekx sala dak il-ħin is-sala li qed tuża hija daqs li kieku qiegħda l-iskola, mela jekk l-aggressjoni ssir hemmhekk u tkun fuq kull min tkun daqs li kieku għamiltha l-iskola fuq edukatur mill-iskola.”
Dan l-artiklu jipproteġi għalliema wkoll mhux impjegati fi skejjel tal-istat hekk kif qabel dawn ma kinux meqjusa uffiċjali pubbliċi.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana tenniet l-għan aħħari wara dan l-att li jirriforma l-liġi tal-edukazzjoni.
Hija qalet, “Messaġġ importanti ħafna; irridu edukazzjoni ta’ kwalità fejn irridu nenfasizzaw fuq id-dritt tal-edukazzjoni, dritt ta’ ekwità fl-edukazzjoni inklużjoni u anke wkoll dmirijiet fil-konfront ta’ stakeholders differenti però fl-aħħar mill-aħħar settur edukattiv b’saħħtu li jagħti edukazzjoni xierqa lil kull tifel u tifla f’pajjiżna.”