Titjib sinifikanti fis-software li jintuża fl-ATMs u fis-sistema tad-debit cards ta’ HSBC Bank Malta se jsir bejn is-19:00 ta’ nhar il-Ħadd 4 ta’ Frar u l-17:00 tat-Tnejn 5 ta’ Frar u għalekk l-ATMs kollha mhux se jkunu qed jaħdmu.
Matul dan l-aġġornament, is-servizzi tal-ATMs kollha tal-HSBC f’Malta u f’Għawdex se jkunu wieqfa. Barra minn hekk, l-ebda pagament jew irtirar ta’ flus ma jista’ jsir bl-HSBC Quikcash, bl-HSBC Visa Electron jew bl-HSBC Visa Business debit card sew f’Malta kif ukoll barra. Hu rrakkomandat li l-klijenti jippjanaw bil-quddiem il-ħtiġijiet ta’ flus kontanti tagħhom jekk se jħallsu xi pagamenti li normalment jagħmlu permezz tad-debit cards tagħhom waqt li jkun qed isseħħ dan l-aġġornament tas-sistema.
Il-credit cards tal-HSBC jistgħu jintużaw biss biex isiru pagamenti onlajn u pagamenti fil-ħwienet (EPOS), kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta.
Dan l-aġġornament ifisser li numru ta’ servizzi ewlenin li jiddependu fuq dawn is-sistemi mhux se jkunu disponibbli matul l-aġġornament, u l-klijenti mhux se jkunu jistgħu jużaw is-servizzi li huma msemmija hawn taħt:
- L-ATMs tal-HSBC f’Malta u f’Għawdex għall-ġbid ta’ flus, depożiti jew kull servizz ieħor minħabba li dawn ma jkunux disponibbli
- Irtirar ta’ flus kontanti bid-debit cards jew credit cards permezz ta’ kwalunkwe ATM ta’ bank ieħor kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta mhux se jkun disponibbli
- Mhux se tkun disponibbli ukoll kwalunkwe forma ta’ pagament bl-użu ta’ debit cards tal-HSBC fuq Point of Sale terminals – bħal dawk li jinsabu fi ħwienet u ristoranti, kemm f’Malta kif ukoll barra l-pajjiż.
Titjib ta’ dan it-tip hu essenzjali biex tkun żgurata l-istabbiltà kontinwa tas-servizzi bankarji ewlenin tal-bank għall-benefiċċju tal-klijenti kollha.
Filwaqt li jiskuża ruħu għal kwalunkwe inkonvenjent li dan il-waqfien jista’ joħloq, HSBC Malta jinkoraġġixxi lil kull min jeħtieġ għajnuna biex iċempel 2380 2380 jew iżur hsbc.com.mt għal aktar tagħrif.