Ir-rebbieħa tal-midalji tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru f’pajjiżna aktar kmieni din is-sena, ingħataw is-somma ta’ għaxart elef ewro kull wieħed; bl-atleti u sportivi li pparteċipaw bħala tim, qasmu din is-somma bejniethom. Rigali monetarji ngħataw ukoll lil dawk li rebħu midalji tal-bronż u l-fidda.
Dawn il-premji ngħataw mill-Ministru għall-Isport Clifton Grima, fejn tqassmu aktar minn ħames mija u ħamsa u sebgħin elf ewro lis-sebgħa u disgħin rebbieħa.
F’dawn il-logħob, Malta kisbet rekord bla preċedent ta’ midalji minn fost id-disa’ pajjiżi li ħadu sehem, mhux biss fin-numru ta’ midalji tad-deheb imma wkoll fit-total ta’ midalji mirbuħa.
Dawn ir-rebbieħa ngħataw dan ir-rikonoxximent waqt l-għoxrin edizzjoni tal-MOC Games Sport Awards.
ONE News tkellem mal-atleta Lisa Bezzina, li kienet fost ir-rebbieħa tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Qalet, “Hija ħaġa kbira, anki per eżempju li kieku ma kienx hemm flus, xorta kont ħa nagħti ħilti kollha għax jien meta nilbes il-flokk ta’ Malta nkun persuna differenti, għandek il-post li qed tirrappreżenta. Imma mbagħad nirringrazzja ħafna lill-Gvern Malti u lil SportMalta li ppremjawna wkoll din id-darba bi flus hu bonus kbir ħafna.”
Il-Ministru Clifton Grima tenna li l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ħallew legat għall-isportivi ta’ pajjiżna.
Qal, “Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar bħala avveniment ġie u għadda jħalli l-legat tiegħu. Il-legat tiegħu għadu jkun li nkomplu naħdmu u nkomplu nippresistu biex pajjiżna jkun jista’ jikseb l-unuri fuq livell internazzjonali.”