L-atleta nazzjonali ta’ 14 il-sena tal-Federazzjoni Maltija Karate, Thyis Antonelli, għamlet wirja mill-aqwa fill-Kampjonati Ewropej tal-Karate li saru fĊipru, Larnaca, fi’ tmien il-ġimgħa li għaddiet.
Akkumpanjata mill-Kowċ Nazzjonali tal-Kumite Josef Antonelli, Thyis ikkompetiet fil-kategorija tal-Kumite Kadetti Femminili +61kg nhar il-ġimgħa 4 ta’ Frar, fejn għelbet lis-slovakka Chrastinova Petra, lill-pollakka Jedrzejewska Amelia kif ukoll lit-torka Kurdoglu Melisa, iżda tilfet kontra l-ukrena Bulay Dariia.
Thyis ikkwalifikat għall-finali għall-midalja tal-Bronż, iżda tilfet kontra l-Ungeriża Kopfer Anna.
Madwar 1139 atleta minn 48 nazzjon ipparteċipaw f’din il-50 Edizzjoni tal-EKF Cadet, Junior and U21 European Karate Championships, li hija mira għall-atleti promittenti Ewropej, kif ukoll turija tal-għola livell miksub fl-isport tal-Karate.
Id-Direttur Tekniku tal-Malta Karate Federation Jesmond Schembri qal li l-prestazzjoni ta’ Thyis hija wirja ta’ ħila kbira, kif ukoll ta’ kollaborazzjoni u dedikazzjoni ta’ Tim Tekniku li jmexxi lil dawn l-atleti. Huwa faħħar ix-xogħol u d-determinazzjoni ta’ Thyis. Ir-riżultat miksub huwa eżemplari, u żgur ħa jkun ta’ispirazzjoni għall-karateki Maltin.