Il-kumpanija tal-farmaċewtika AstraZeneca ser tipprovdi disa’ miljun doża aktar lill-Unjoni Ewropa wara kwistjoni ta’ nuqqas ta’ produzzjonijiet tal-vaċċin għall-Covid-19.
Dawn id-dożi mistennija jaslu matul dawn l-ewwel tliet xhur tas-sena biex issa t-total ser ikun jgħodd għal 40 miljun doża għal dan il-perjodu.
Ħabbret dan il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fuq twitter fejn tenniet li dan huwa pass ieħor ‘il quddiem.
Von der Leyen tenniet li AstraZeneca, li għandha l-impjanti tagħha tal-manifattura fir-Renju Unit u madwar il-kontinent mistennija twassal dawn il-vaċċini ġimgħa aktar kmieni minn dak pjanat u għaldaqstant dan ser jespandi l-kapaċità tal-produzzjoni tal-vaċċin fl-Ewropa.
Il-Kummissjoni Ewropeja sabet ruħha fil-mira ta’ diversi kritika l-ġimgħa li għaddiet, b’mod partikolari dwar il-kontrolli fuq il-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq sabiex tipprevjeni milli vaċċini żviluppati fl-Unjoni Ewropeja jaslu r-Renju Unit.
Intant Von der Leyen ċaħdet li l-Ewropa tinsab f’xi tellieqa fit-tilqim u saħqet li huwa aktar kruċjali li nżommu l-għaqda u nikkoperaw matul dan iż-żmien ta’ pandemija.